Thursday, December 26, 2024

Alfred Sant jgħid li l-baġit Ewropew għandu jkopri l-impatt tal-Covid-19 u jipproteġi l-finanzjament għall-programmi tal-UE

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant ivvota favur rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif ta’ pjan ta’ kontinġenza għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-Unjoni Ewropea iżda insista li dan għandu jservi biss f’każ li ma jintlaħaqx ftehim f’waqtu dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropa.

Ir-rapport iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-twaqqif ta’ pjan ta’ kontinġenza biex tinħoloq xibka ta’ sikurezza li tipproteġi l-benefiċjarji tal-programmi tal-Unjoni Ewropea billi tiżgura l-kontinwità tal-finanzjament.

Dan iwieġeb ukoll għall-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija COVID 19 fil-każ li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2021-2027 ma jkunx miftiehem fil-ħin biex jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Fi spjegazzjoni lill-Parlament Ewropew, Alfred Sant esprima qbil mal-ħtieġa li tipprovdi xibka ta’ sikurezza għall-benefiċjarji tal-programmi tal-UE għaliex, f’dan il-mument, ma nistgħux naffordjaw l-ebda grad miżjud ta’ inċertezza finanzjarja. Madankollu, huwa esprima riżerva fis-sens li l-pjan ta’ kontinġenza m’għandux ikun ikkunsidrat bħala soluzzjoni alternattiva.

Emenda proposta minn Alfred Sant tiddikjara li l-prijorità globali għandha tibqa’ dik ta’ ftehim malajr u f’waqtu għal Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid li jkopri l-perjodu ta’ seba’ snin li ġejjin.

Dan għandu jibqa’ f’pożizzjoni li jappoġġja kemm il-prijoritajiet fit-tul diġà stabbiliti, kif ukoll l-isfidi li huma mistennija jirriżultaw mill-impatt tal-pandemija Covid-19.

Huwa naturali li pjan bħal dan għandu jinkludi tweġiba tanġibbli għall-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tal-pandemija b’rinforzi f’waqthom u reviżjoni tar-regoli baġitarji.

Il-pjan ta’ kontinġenza ta’ Qafas Finanzjarju Multiannwali għandu jkun imressaq l-aktar tard sal-15 ta’ Ġunju 2020 biex jiżgura biżżejjed żmien għan-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Parlament għandu l-aħħar kelma u jrid japprova l-Qafas Finanzjarju Multiannwali qabel ma jidħol fis-seħħ. – TMIEM

Ekonomija

Sport