Monday, May 20, 2024

“Alla jaħdem ħafna fis-skiet u fis-silenzju” – Fr Reuben Micallef

Aqra wkoll

Mit-28 ta’ April sat-2 ta’ Mejju li għadda pparteċipa fil-laqgħa internazzjonali tal-kappillani bl-isem ta’ “Kappillani għas-Sinodu”, bi tħejjija għat-tieni parti tas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jkompli f’Ottubru li ġej f’Ruma.

Dan l-aħħar għadek kif bdejt bħala Kappillan fil-parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’ Birżebbuġa.  Kif tiddEskrivi l-ħidma tiegħek f’din il-parroċċa?

Ili f’din il-parroċċa mit-28 ta’ Novembru 2023.  Tista’ tgħid ħames xhur sħaħ.  Għall-grazzja ta’ Alla sibt parroċċa ħajja u sabiħa.  Ma nistax ma nurix l-apprezzament tiegħi lill-kappillan ta’ qabli, Dun Anton Galea Scannura, li ħadem ħafna u naqbel mal-prijoritajiet li ta lil din il-parroċċa fl-aħħar snin.

Nemmen li għalissa l-ħidma tiegħi fil-parroċċa għandha tkun li nosserva dak kollu li qed isir, biex inkun nista’ naddatta lili nnifsi għall-ħidma li diġà għaddejja fil-parroċċa. Fiduċjuż li maż-żmien nibda nirrispondi għal bżonnijiet ġodda li jinqalgħu b’inizjattivi pastorali oħra u dan bl-għajnuna ta’ diversi persuni impenjati fil-parroċċa. 

Il-ħidma ta’ kappillan tvarja ħafna llum.  Minn ħidmiet amministrattivi, finanzjarji, u ta’ manutenzjonijiet, għal ħidmiet pastorali u spiritwali. Naħseb li l-ewwel prijorità hi li bħala komunità nagħrfu r-rieda ta’ Alla għal din il-komunità fid-dinja tal-lum.  Dan jista’ jsir biss billi dawk kollha impenjati jagħtu l-importanza lill-Ewkaristija, għax hi l-qofol tal-fidi tagħna. Imbagħad, b’diskussjoni miftuħa nkunu nistgħu naslu għal inizzjattivi biex jindirizzaw l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-parroċċi llum.

Iżda l-iktar rwol importanti tal-kappillan hu li jkun preżenti ma’ dawk bi ħtiġijiet spiritwali u anke ma’ dawk li għaddejjin minn diffikultajiet minħabba l-qagħda soċjali tagħhom.  Li nkunu viċin tan-nies u ma’ dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli fil-ħajja hija waħda mill-prijoritajiet eżistenti. Dak li jidher minn barra huwa biss il-faċċata ta’ ħafna ħidma fil-kwiet li l-kappillan jagħmel u li ma tidhirx.

Ma tonqosx il-ħidma ma’ għaqdiet tal-lokal u ma’ entitajiet governattivi. Nemmen li kull entità hija importanti fil-bini tal-komunità tagħna u li kull entità tgħin biex flimkien noffru għajnuniet essenzjali għall-bniedem tal-lum. 

Iddeskrivi lir-rwol tiegħek bħala president tal-Kunsill u l-Kulleġġ tal-Kappillani.

Bl-għajnuna ta’ seba’ kappillani oħra membri fil-Kunsill tal-Kappillani, l-irwol tiegħi hu li ngħin lill-Kunsill iwassal l-ideat u l-kummenti tal-kappillani lill-Arċisqof u lid-Delegat tiegħu għall-Parroċċi. Lirwol talKunsill hu wkoll li jgħin flimplimentazzjoni talviżjoni u lpolicies talArċidjoċesi fost ilkappillani f’Malta.

Aktar minn qatt qabel, ilkoll nifhmu l-ħtieġa li naħdmu flimkien għall-ġid ta’ xulxin u tal-poplu li jemmen. Fi ħdan il-Kunsill niddiskutu temi li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma pastorali jew amministrattiva tal-parroċċi.

Ovvjament, l-isfidi ma jonqsux! Għalkemm Malta hi pajjiż żgħir ħdejn oħrajn, kull belt jew raħal għandu l-identità tiegħu, u dan iwassal biex kull parroċċa għandha ħidmiet u bżonnijiet differenti.

Fil-jiem li għaddew kellek esperjenza unika li tattendi għas-Sinodu tal-Kappillani ġewwa l-Vatikan. Agħtina iktar dettalji.

Mit-28 ta’ April sat-2 ta’ Mejju li għadda pparteċipajt fil-laqgħa internazzjonali tal-kappillani bl-isem ta’ “Kappillani għas-Sinodu”, bi tħejjija għat-tieni parti tas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jkompli f’Ottubru li ġej f’Ruma. Dan is-sinodu hu bbażżat fuq il-kelma ‘sinodalità’, li tfisser mixja flimkien fejn il-Knisja titgħallem, tgħix u taħdem fuq il-missjoni tagħha ta’ evanġelizzazzjoni.

Li nkunu Knisja sinodali hija ispirata mill-Vanġelu, mit-Teoloġija u mit-Tradizzjoni tal-Knisja matul iż-żminijiet. Sa mill-bidu tal-Knisja, l-appostli kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu temi u sfidi li kienet tiltaqa’ magħhom il-komunità Nisranija dak iż-żmien.  L-imgħammdin kollha pparteċipaw f’laqgħat ta’ diskussjonijiet u permezz tat-talb u d-dixxerniment jaslu għal ftehim fid-dawl tar-rieda ta’ Alla. Matul iż-żminijiet din il-metodoloġija wasslet għall-ħolqien ta’ strutturi u spazji ta’ diskussjoni fi ħdan il-Knisja sabiex il-Papa u l-isqfijiet ikunu jistgħu jiddiskutu u jaslu għall-viżjoni li l-Knisja għandha tħaddan biex tirrispondi għas-sinjali taż-żminijiet. Dan mingħajr ma twarrab dak li hu essenzjali fit-tagħlim u f’dak li jagħmilha Knisja.

Matul il-laqgħa li attendejt għaliha, l-emfasi kien fuq il-modi li l-Knisja tista’ tħaddan sabiex fid-diversi strutturi tagħha, kemm fuq livell djoċesan kif ukoll fuq livell parrokkjali, tista’ tiffaċilita u tagħti lok għal diskussjonijiet.

Hu importanti li fil-Knisja kulħadd jingħata spazju fejn jisma’ u jitkellem. Li wieħed jitgħallem jisma’ aktar l-opinjoni tal-persuna l-oħra u li kull membru, fi spirtu ta’ talb u ta’ dixxerniment, jifhem permezz tad-diskussjoni fejn l-Ispirtu ta’ Alla qed jonfoħ. Din il-metodoloġija tagħti l-opportunità lil kulħadd li jaqsam l-ideat tiegħu, iżda fl-istess waqt titlob sejħa akbar ta’ responsabbiltà f’dawk preżenti.  Iridu jkunu mħejjija u mgħallma tajjeb dwar is-suġġett li qed jiġi diskuss, kif ukoll iridu jkunu ffurmati fil-metodoloġija tas-smigħ, qabel l-idea ta’ li bilfors trid tgħaddi tiegħtek. Għalhekk, l-isfida hija li l-membri li qed jipparteċipaw fl-istrutturi tal-parroċċi, tad-djoċesi, kif ukoll fis-Santa Sede, iridu jkunu aktar ffurmati dwar xi tfisser li tkun sinodali u tkun xhud tal-istess tama.

Kif tqis il-Knisja f’Malta llum? Tħoss li għandha futur sabiħ? U x’messaġġ tixtieq twassal.

Fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed irid jifhem li l-ewwel u qabelxejn il-Knisja hija ta’ Kristu.  Ħadd m’għandu monopolju fuqha. Inħarsu lejn l-istorja tal-Knisja naraw kif il-bniedem, bl-umanità fraġli tiegħu, xi drabi jwettaq żbalji fit-tmexxija, fid-deċiżjonijiet jew fil-viżjoni li jkun qed iħaddem tal-Knisja.  Iżda fl-istess waqt naraw kif bi providenza divina, maż-żminijiet il-Knisja rrispondiet għal sfidi u għal elementi oħra li kienu qed jinbtu fis-soċjetà. 

L-imgħammdin kollha huma l-Knisja.  Alla ma jeskludi lil ħadd mis-salvazzjoni tiegħu.  Biss il-Knisja tkun sabiħa daqs kemm l-imgħammdin li jemmnu u l-miġemgħa li titlob, ikunu konvinti fil-fidi tagħhom. 

Alla jaħdem ħafna fis-skiet u fis-silenzju.  Il-bniedem ikun irid malajr ir-riżultati.  Iżda n-Nisrani huwa l-bniedem li kapaċi jistenna fit-tama li Alla qed jaħdem u li Alla qed jakkumpanjah tul mixja tal-ħajja. Bi spirtu ta’ smigħ, ta’ riflessjoni interjuri u ta’ talb, il-bniedem fis-soċjetà tallum huwa msejjaħ li jgħix it-tama tal-Aħbar it-Tajba u li jkun il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja. 

Bħalma l-ministeru saċerdotali huwa din l-esperjenza ta’ fidi fi Kristu, li qam minn bejn l-imwiet u li fil-fraġilità umana joffri t-tama lil kull wieħed u waħda minna, bl-istess mod aħna msejħin għal din l-esperjenza ma’ u fi Kristu. 

“Ejjew u taraw” jgħid Ġesù lil Ġwanni u Indrì meta staqsewh fejn joqgħod (ara Ġw 1:35-42).

Jalla dan il-mod ta’ Knisja li l-Papa Franġisku qed isejħilna għalih, ikun wieħed mill-modi li jwassal lill-Knisja biex tirrispondi għall-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-poplu mgħammed fis-soċjetà tal-lum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport