Monday, May 20, 2024

Il-Konti Ruġġieru..il-bandiera Maltija… lil hinn mit-tradizzjoni

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta tikkonsisti f’żewġ strixxi vertikali ndaqs, bajda ma’ l-arblu u ħamra n-naħa ta’ barra. Rappreżentazzjoni tal-George Cross mogħti lil Malta mill-Maestà Tiegħu r-Re Ġorġ Sitta fil-15 ta’ April, 1942 tkun qiegħda, imberfla bl-aħmar, fir-rokna tal-istrixxa l-bajda.”

Dan hu dak li tgħid il-Kostituzzjoni Maltija dwar il-bandiera Maltija. Imma ħafna jistaqsu kif oriġinat il-bandiera Maltija? Kemm għandha żmien? Xi jfisser l-abjad? Xi jfisser l-aħmar? Lil hinn minn dan imbagħad hemm it-tradizzjoni, li anke kienet tiġi mgħallma fl-iskejjel waqt il-lezzjonijiet tal-istorja, u din kienet tgħid li l-bandiera Maltija oriġinat mal-miġja tal-Konti Ruġġieru. Dan wara li l-istess Konti Ruġġieru ippreżenta l-kuluri abjad u aħmar, parti mill-bandiera tiegħu, lill-Maltin.

Lil hinn minn x’jgħid it-tradizzjonijiet u fin-nuqqas ta’ dokumenti, jidher li fost l-eqdem simboli li jeżistu f’Malta li juru l-kuluri bojod u ħomor huma bnadar impittra fi kwadru impingi fis-sena 1688 minn Mattia Preti li juri lil San Pawl ikeċċi l-Mori fl-assedju ta’ 1429 u f’pittura oħra tal-Konti Ruġġieru tas-sena 1711 u li fih ukoll naraw il-bnadar Maltin. Iż-żewġ pitturi jinsabu fil-Katidral tal-Imdina. Dan filmkien mal-fatt li fuq il-fonti tal-magħmudija tal-Katidral tal-Imdina naraw emblema bl-aħmar u l-abjad. L-Għajn ta’ Għeriexem fir-Rabat ukoll għandha arma fil-ġebel u li din turi iż-żewġ partijiet.

IT-TORĊA tkellmet mal-Professur Ray Mangion, li jiddikjara bla tlaqlieq li l-kuluri li jiffurmaw l-emblema Maltija jista’ jkun li għandhom mal-elf sens.

Il-Profs Mangion jiddikjara li “rigward l-ilwien li jiffurmaw il-bandiera u l-emblema Maltija, huma żgur tradizzjonalment qodma ħafna. Jista’ jkun li għandhom mal-elf sena. Huma millenarji. Importanti nżommu f’rasna li tradizzjoni hi tradizzjoni. Din tkun intqalet jew mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra u jista’ jkollha xi nuqqas ta’ verità. Però għandna żgur jekk mhux dokument fil-karta għandna dokumenti fil-ħaġra u fil-pittura.”

Jenfasizza li “biżżejjed ngħid li jekk naqbdu l-Kattidral tal-Imdina naraw li hemm diversi oġġetti antiki. Biżżejjed insemmi l-pittura ta’ Mattia Preti li turi lil San Pawl li qed ikeċċi l-Mori minn Malta. Din hi pittura ta’ l-aħħar tas-seklu sbatax. Fiha jidher l-iskud abjad u aħmar. Anke jekk induru fil-madwar tar-Rabat u l-Imdina, fil-Kattidral pereżempju il-battisteru għandu l-arma bajda u ħamra. M’hemmx dubju li l-abjad u l-aħmar kien jirrappreżenta l-belt il-qadima tal-Imdina. Irrid ngħid li fil-madwar tar-Rabat jekk tmur Għeriexem hemm l-għajn u hemm tara l-arma, li għalkemm mhix bajda u ħamra (għax qiegħda fil-ġebla), hemm iż-żewġ partijiet tal-arma. M’hemmx dubju li hi medjevali u tmur lura mill-inqas sat-tieni nofs tas-seklu ħmistax. Bħala dokument, li qed ngħid li fis-sens li hi preżenti fil-Kattidral tal-Imdina u tmur lura għas-seklu ħmistax anke jekk il-Kattidral kien iggarraf bit-terremot tas-sena 1693.”

Il-Profs Mangion jisħaq li “irridu niddistingwu bejn emblema u bandiera. Il-bandiera Maltija, kif nafuha llum, naturalment mhux bil-‘George Cross’. L-ewwel darba li nafu bħala kronaka li tissemma’ l-bandiera Maltija, hu fir-rewwixta tal-qassisin tas-sena 1775. Dakinhar Dun Gejtanu Mannarino kien għamel kumplott biex iwaqqa’ l-gvern tal-Ordni. Il-konġunra kienet fis-sens li jieħdu f’idejhom il-Kavallier ta’ San Ġakbru fuQ naħa u l-Forti Sant Iermu fuq in-naħa l-oħra, kumplott li imbagħad minn hemm imexxu lil dawk li kienu se jirreaġixxu kontra l-ħakma tal-Ordni. Dan kien falla. Però hemm episodju interessanti ħafna. Dak kien fl-8 ta’ Settembru, li kienet diġa festa għażiża għax kienet ilha tiġi ċċelebrata u meqjuma minn żmien l-Assedju l-Kbir. Dun Gejtan tella’ l-bandietra bajda u ħamra tperper fuq il-Forti Sant Iermu. Hemmhekk nafu, għandna bħala kronaka li l-bandiera dehret tperper f’dik l-okkażjoni. Interessanti ngħidu li fi żmien l-Ordni bejn 1530 u 1798, xejn ma jissemma’ fuq jekk ridux jibdluha jew jagħmluha oħra bħalha jew xi ħaġa oħra miżjuda.”

Ikompli jgħid li “fi żmien l-Ingliżi l-istess fl-ewwel ħamsin sena, l-ewwel ma ġiet diskussa l-emblema kien fl-1835 fil-kuntest ta’ Giorgio Mitrovich u Camillo Sciberras u l-avukat Dr Gaetano Laferla, li ħareġ anke bil-leġġenda tal-Konti Ruġġieru, għax kien hemm min rabatha billi l-Altavilla kienu jġibu l-istess ilwien. Kienu rabtuha magħha. Però l-arma tal-Altavilla ma tidħolx fl-araldika u allura hemm id-dubji fuqha. Dr. Gaetano Laferla kien wieħed li xpruna fil-kuntest li kienu qegħdin jitolbu rappreżentanza fil-Kunsill tal-Gvern, l-ewwel kunsill tal-gvern tas-sena 1835 u fil-fatt Camillo Sciberras u Giorgio Mitrovich ħarġu għonqhom biex jibda ikollna xi tip ta’ prinċipju elettiv. Li imbagħad dan ġie wara 14-il sena, jiġifieri fis-sena 1849. Dakinhar kellna l-ewwel elezzjonijiet f’Malta. Dawk li kienu elezzjonijiet, fejn dawk li eletti kienu eletti bħala minoranza eletta għax il-maġġoranza kienet tal-membri li kienu maħturin mill-gvern Ingliż f’Malta. Li ġara kien li dak iż-żmien kien sar l-irħam tal-pavimentar tal-Palazz tal-President, dak iż-żmien kien il-Palazz tal-Gvernatur. Sar il-pavimentar abjad u aħmar. U allura hemmhekk bdiet tinnazzjonalizza aktar b’mod konkret u tanġibbi il-kulur abjad u aħmar.”

Itenni li “naturalment il-kulur abjad u aħmar beda dieħel aktar. Anki fis-seklu 20 kien hemm minn naħa tal-gvern kolonjali Ingliż x’tip ta’ arma għandu jkollha Malta. Iddaħħal il-kulur ikħal li ma kienx tradizzjonalment parti mill-arma. Ħadet żvilupp l-arma wara li kellna l-ewwel self government fl-1921. U mbagħad naturalment meta ħadna il-George Cross fl-eqqel tat-tieni Gwerra Dinjija. Il-George Cross daħal fil-bandiera u fl-emblema Maltija. Fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tas-sena 1964, il-Bandiera Maltija imbagħad iddaħħlet fil-Kostituzzjoni eżattament fil-kapitlu 1 fejn hemm il-karatteristiċi tan-Nazzjon Malti u allura l-bandiera Maltija hi dik li hi.

Ma naqsux il-kontroversji matul is-snin speċjalment fuq il-George Cross. Il-kuluri abjad u aħmar imorru lura għal żminijieFuq il-fonti tal-magħmudija tal-Katidral.t fejn fl-Ewropra kellek postijiet fejn l-araldika kienet qed tinbena, l-ilwien Maltin bħala emblema huma kontemporanji ma’ dak iż-żmien. Jekk mhux il-medju evu, imma żgur fil-medju evu tardiv, is-seklu 15 u xi għexieren qabel”, itemm jgħid il-Profs Mangion.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport