Fearne semma wkoll kif it-Tnejn li għadda, fl-istadju ta’ Kumitat, il-Partit Nazzjonalista pprova jressaq emenda li qal li kienet se xxejjen dak kollu propost f’din il-liġi. “Riedu jgħaddu emenda, imbagħad irtirawha, fejn it-tobba qed jgħidulhom ma tistgħu tagħmlu ebda proċedura li fiha xi forma ta’ riskju. B’dik l-emenda mhux talli ma kinitx issir l-PGT imma lanqas l-IVF kieku ħallejniha tgħaddi. Allaħares ħallejna din l-emenda tgħaddi għax kieku dak kollu li llum qed jgħidu l-PN li huma kkonvertiti fuqu ma kien isir minnu xejn.”
“Smajt ukoll xi ħadd fil-Kumitat iqum u jgħid mhux sew li nneħħu sofferenza fil-pajjiż għax inkella tobba li jieħdu ħsieb il-kura paljattiva ma jkollhomx x’jagħmlu. Jiena ngħid jalla t-tobba ma jkollhomx x’jagħmlu, jalla ma jkunx hawn mard f’dan il-pajjiż u fejn nistgħu nwaqqfu l-mard inwaqqfuh. X’argumenti dawn!”, saħaq Fearne. Huwa tenna li l-verità hi li f’dan il-pajjiż, il-Gvern Laburista biss huwa l-forza li jġib it-tibdil f’dan il-pajjiż.