Il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban sejjaħ laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tad-Difiża Nazzjonali wara li nstabu splussivi ħdejn pipeline li jittrasporta l-gass Russu lejn l-Ungerija. Is-sejba tal-isplussivi f’żona tal-fruntiera mas-Serbja seħħet hekk kif il-partit Fidesz ta’ Orban, kulma jmur qed inaqqas ħafna fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika qabel l-elezzjonijiet kruċjali ta’ nhar il-Ħadd li ġej.
Orban, alleat mill-qrib u fil-miftuħ tal-President Russu Vladimir Putin, irreżista l-appelli kollha tal-Unjoni Ewropea biex jabbanduna l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja minn mindu seħħet l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna.
Fl-aħħar ġimgħat, esperti tas-sigurtà Ungeriżi qajmu l-possibbiltà ta’ operazzjoni organizzata, fit-territorju Ungeriż jew Serb, maħsuba biex tqanqal simpatija għal Orban u tgħin lill-partit tiegħu Fidesz jirbaħ l-elezzjoni – jew biex tagħti lil Orban skuża biex jiddikjara emerġenza u jipposponi jew jikkanċella l-elezzjoni.
Żewġ rucksacks mimlija splussivi ta’ qawwa devastanti u detonaturi nstabu mill-armata Serba ħdejn ir-raħal ta’ Tresnjevac fid-distrett ta’ Kanjiza, madwar 12-il mil mill-punt fejn il-pipeline TurkStream jaqsam l-Ungerija. Il-President Serb Alexander Vucic, alleat mill-qrib ta’ Orban, qal li informa lill-mexxej Ungeriż b’din is-sejba nhar il-Ħadd filgħodu.
L-Ungerija timporta bejn ħames u tmien biljun metru kubu ta’ gass Russu fis-sena permezz tal-pipeline TurkStream, li kemm l-Ungerija kif ukoll is-Slovakkja jiddependu fuqu għall-gass Russu.
Balint Pasztor, president tal-Assoċjazzjoni Ungeriża ta’ Vojvodina, u alleat ewlieni ieħor ta’ Orban, kiteb fuq Facebook li jekk l-investigazzjoni tipprova li wara kollox ma kienux huma l-mira primarja, iżda pjuttost il-linji tal-provvista tal-Ungerija, allura dan jagħmilha aktar ċara li l-attakk terroristiku kien ippjanat bil-għan li jwaqqa’ l-gvern ta Viktor Orban.
Il-partit Fidesz għamel l-ostilità lejn l-Ukrajna l-pedament tal-kampanja elettorali tiegħu. Waqt rallies elettorali, Orban kemm il-darba qal li l-prezzijiet baxxi tal-enerġija u tal-fjuwil fl-Ungerija huma possibbli biss grazzi għaż-żejt u l-gass Russu li jaslu fl-Ungerija permezz ta’ pipeline – żejt mill-Ukrajna, u gass mill-Balkani.
Orban jallega li t-trijumvirat “Kyiv-Brussell-Berlin” qed jikkonfoffa biex iwaqqaf lill-Ungerija milli tikseb fjuwil Russu bl-irħis, biex timponi prim ministru “pupazz” fl-elezzjoni li ġejja u ttella gvern li jista jwassal lill-Ungerija fi gwerra Ewropea kontra r-Russja.
Orban diġà akkuża lill-Ukrajna li imponiet imblokk taż-żejt fuq l-Ungerija, għaliex l-ebda żejt Russu ma wasal mill-pipeline Druzhba, li jaqsam it-territorju Ukren, minn tmiem Jannar. L-Ukrajna iżda tgħid li l-pipeline ġarrab ħsarat f’attakk Russu u għandu jerġa’ jibda jiffunzjona f’nofs dan ix-xahar.

