Monday, December 23, 2024

Allegazzjonijiet ta’ involviment ta’ militanti Iżlamiċi ġewwa l-Kazakhstan

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Kazakhstan qal li radikali Iżlamiċi mħarr­ġin barra l-pajjiż kienu fost il-persuni li wettqu l-attakki fuq bini governattiv u fuq il-forzi tas-sigurtà l-ġimgħa li għaddiet. Dan intqal hekk kif il-pulizija tal-pajjiż arrestaw kważi 8,000 persuna li allegatament kienu involuti f’dawn l-attakki. 

Matul il-ġimgħa li għaddiet, għal waqtiet qosra, numru ta’ binjiet tal-gvern spiċċaw f’idejn ir-ribelli filwaqt li għadd ta’ bini ieħor ingħata n-nar. L-instabbiltà ġewwa dan il-pajjiż bdiet minn protesti paċifiċi dwar il-prezz tal-fjuwil iżda mbagħad ir-rabja tal-poplu spiċċat biex infirxet fuq temi politiċi oħrajn. 

Fid-dawl tal-instabbiltà kollha li żvolġiet, il-President tal-pajjiż Kassym-Jomart Tokayev keċċa lill-membri kollha tal-kabinett, ħareġ ordni ta’ shoot-to-kill, kif ukoll iddikjara stat ta’ emerġenza. Apparti dan kollu, huwa talab lill-blokk militari mmexxi mir-Russja, li dan il-pajjiż huwa msieħeb fih, biex jibgħat it-truppi ħalli terġa’ tiddaħħal l-istabbiltà.   

Għall-ewwel darba, fil-jum tal-bieraħ l-awtoritajiet għamlu konnessjoni bejn il-vjolenza u dawk li huma ddeskrivew bħala “gruppi Iżlamiċi”. Stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienet tgħid li, “kif urew l-avvenimenti ġewwa Almaty u numru ta’ reġjuni oħrajn, il-Kazakhstan jinsab suġġett għal aggressjoni armata minn gruppi terroristiċi kordinati u mħarrġin barra mill-pajjiż. Skont informazzjoni preliminari, dawn l-aggressuri jinkludu individwi li għandhom esperjenza militari fi ħdan gruppi radikali Iżlamiċi.” Din l-istqarrija ma semmiet l-ebda grupp partikolari. 

Ekonomija

Sport