Sunday, December 22, 2024

Allokazzjoni ta’ €50 miljun għax-xiri ta’ vetturi elettriċi fuq 3 snin

Aqra wkoll

Malta rnexxielha takkwista fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-pjan Malti għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) għax-xiri ta’ vetturi elettriċi li ma jniġġsux.

Dawn il-fondi, li jammontaw għal €50 miljun, se jkunu mifruxa fuq 3 snin, fejn €15-il miljun ġew allokati din is-sena, €15-il miljun oħra se jiġu allokati matul l-2023 u l-aħħar €20 miljun sal-aħħar tal-2024.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Il-Ministru Farrugia qal kif dawn il-€50m se jkunu investiti f’madwar 10,000 vettura li ma jniġġsux. Huwa spjega li, hekk kif kien imħabbar fil-Budget, l-għotja finanzjarja biex jiġi inċentivat ix-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda ġiet estiża għas-sena 2023. 

Kull min jixtri vettura, inkluż muturi elettriċi, ikun intitolat għall-għotja ta’ €11,000, li titla’ sa €12,000 f’każ li tiġi użata l-iskema tal-iskrappjar tal-vetturi. Hemm ukoll il-possibbiltà li tirċievi €1,000 oħra jekk il-vettura tkun irreġistrata f’Għawdex u €2,000 għal mutur elettriku ġdid li jista’ jitla’ sa €2,500 jekk tiskreppja mutur ieħor jew €3,000 jekk tiskreppja karozza. L-istess jgħodd għall-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ mopeds, pedelecs u roti assistiti b’mutur tal-elettriku.

Il-Ministru Farrugia qal li għotjiet bħal dawn huma parti mill-pjan tal-gvern biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika. L-iskop ta’ dan l-investiment huwa li jinċentiva bidla usa’ lejn il-mobbiltà permezz ta’ vetturi elettriċi u li jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport f’Malta billi jiġi promoss l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku kemm fis-settur privat u anke fis-settur kummerċjali. Sostna li “Il-gvern huwa kommess li jkompli jagħmel differenza biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna li ninċentivaw mezzi ta’ trasport alternattivi, aktar ekoloġiċi u sostenibbli.”

“Kif ġie msemmi fid-diskors tal-Budget, l-ammont ta’ vetturi elettriċi jew plug-in hybrid reġistrati jaqbeż l-10,000 vettura. Se nkomplu noffru aktar inċentivi finanzjarji lis-sewwieqa Maltin biex jagħmlu użu minn mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti, filwaqt li nħeġġu lis-sidien tal-vetturi biex jixtru vetturi ġodda, b’emissjonijiet baxxi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, jew jikkonvertu l-vettura attwali tagħhom għal waħda aktar nadifa”, qal il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-iskema mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza mhix l-unika assistenza finanzjarja, fil-fatt f’Jannar 2021 tnieda Strument Finanzjarju li bis-saħħa tiegħu persuna jista’ japplika u jirċievi self biex ikopri x-xiri ta’ vetturi elettriċi.


“Dan l-Istrument Finanzjarju qed jiġi implimentat minn żewġ banek lokali, jiġifieri l-Bank of Valletta plc u l-APS Bank li b’investiment ta’ €15-il miljun mill-fondi tal-ERDF, huwa mmirat li jiġġenera portafoll ta’ self ta’ €45 miljun. Sal-lum, 88 persuna bbenefikaw minn self bħal dan, bil-għan li ninkoraġixxu aktar persuni jaqilbu għal vetturi elettriċi”, qal Chris Bonett.

Ekonomija

Sport