Thursday, April 18, 2024

GĦAJNUNA IMPORTANTI TAL-BUDGET LI FTIT NITKELLMU FUQHA

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa kellna l-budget tas-sena d-dieħla.  In-nies bejniethom jitkellmu fuq ħafna affarijiet li hemm fil-budget, speċjalment l-għajnuniet li jagħti l-gvern lilhom u lil nies bħalhom.  L-aktar li jitkellmu huma fuq pensjonijiet, żieda fil-pagi u ħafna għajnuniet oħra.  Biss l-akbar u l-aktar għajnuna importanti ftit nitkellmu fuqha.

Din hi dwar l-enerġija.  Ir-raġuni hi li din l-għajnuna la nħossuha u lanqas għandna idea ta’ kemm kull wieħed minna din l-għajnuna qed tgħina. Dan ġara għaliex dan l-aħħar snin, il-gvern b’għajnuna li ta il-prezz baqa’ stabbli.  

Imma tajjeb naraw ftit l-effetti tal-miżura li ħa l-gvern fil-qasam tal-enerġija u inqabbluha mal-efetti  tal-miżura li ħadu gvernijiet oħra Ewropew fejn tefgħu il-piż fuq iċ-ċittadini.  

Nieħdu eżempji.  Minħabba li l-piż intefa’ fuq iċ-ċittadini u n-negozji, fi Franza, l-ammont ta’ kumpaniji li fallew żdied b’madwar 70%.  Fl-Italja, hu stmat li hemm mal-100,000 kumpanija li jħaddmu ‘l fuq minn 800,000 ħaddiem li qegħdin f’riskju li jfallu. Fil-Polonja hemm aktar minn 100,000 negozju li applikaw għall-falliment din is-sena, żieda ta’ aktar minn 25% fuq is-sena l-oħra.   Fir-Renju Unit, is-sitwazzjoni hi aktar gravi għaliex aktar minn 10% tal-kumpaniji kollha jħossu li huma qegħdin f’riskju bejn moderat u riskju kbir li jfallu.

Tajjeb li niftakru li l-aktar pajjiżi li qed ibatu huma dawk li l-gvernijiet tagħhom neħħew l-għajnuna li kienu qed jagħtu waqt il-pandemija.

Effetti

Ftit nies jirrealizzaw l-effetti.  Dan narawh meta nsemmu l-ammont kbir ta’ barranin li hawn Malta.  Li kieku l-gvern mhux qed jagħti din l-għajnuna fuq l-enerġija lil kulħadd, familji u kumpaniji, l-effett ikun wieħed gravi.  Li kieku m’hawnx din l-għajnuna, il-kontijiet jisplodu ‘l fuq bħal ma ġara Malta fl-2008 meta gvern Nazzjonalista ma ta l-ebda għajnuna u kif qed jiġri issa f’pajjiżi oħra Ewropej, l-ewwel ma jintlaqtu huma l-familji meta jaraw il-prezz tal-elettriku u anki l-ilma jesplodu ‘l fuq.  Il-faqar fl-enerġija kien sploda minn 9% għal-24%, kważi kwart tal-popolazzjoni.

Biss dan ikun l-ewwel effett għax wara jibdew jinħassu effetti ħafna akbar.  L-ewwel effett hu fuq il-qgħad.  Dan għaliex bħal ma semmejt l-effett tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kumpaniji u negozji żgħar ikun wieħed kbir u m jkollhomx x’jaghamlu ħlief li jibdew jagħlqu.  Dan jisplodi l-qgħad ‘il fuq.  Żewġ effetti jkunu li d-dħul tal-gvern jonqos b’daqqa kbira ‘l isfel, bħal ma ġara fl-2008, filwaqt li l-ispiża speċjalment tal-għajnuna li l-gvern jagħti lin-nies qegħda titla’ ‘l fuq u l-ispejjeż jisplodu.

Meta jsir dan, għajnuna bħal żieda fil-penzjonijiet lanqas biss noħolmuha, aħseb u ara kemm neħduha.  Ma ninsewx li domna madwar 25 sena ma rajna żieda fil-penzjonijiet taħt gvernijiet Nazzjonalisti.  Biss lanqas hemm ma nieqfu. Dan għaliex il-gvern ikun irid iżid id-dħul tiegħu biex iżomm il-ħaddiema tiegħu u jibqa’ jagħti xi servizzi.  Minħabba f’hekk naraw it-taxxi wkoll jisplodu f’wiċċ kull ċittadin.

Hi ħasra

Hi ħasra li n-nies ma jirrealizzawx dawn l-effetti u lanqas iqabbilhom mal-effetti li kellna fl-2008.  Dakinhar mhux biss il-bagalja saret ħamra, imma kellha tkun l-UE li tirranġalu l-budget għax il-gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien li fuqu qed jibbaża l-PN illum, lanqas kien kapaċi jagħmel budget serju.  

Bħal ma ktibt, dan ma tantx nirrealizzawh għaliex s’issa li rajna żieda mhux ħażin iżda mhux esaġerata fil-prezzijiet tal-ikel.  Din iż-żieda, diġa’ kellha effett mhux ħażin fuq iċ-ċittadin komuni.  Aħseb u ara l-effett x’ikun li kieku l-gvern ineħħi l-għajnuna fuq l-enerġija.  Hu għalhekk tajjeb li nirrealizzaw kemm qed nieħdu għajnuna mingħand il-gvern u li aħna wkoll irridu nagħtu s-sehem tagħna.

Għalhekk nemmen li hu dmir tal-gvern li fl-aħħar ta’ kull sena jibgħat lil kull ċittadin, kemm qed jirċievi għajnuna mill-gvern.  Din l-għajnuna tkun trid tinkludi kull għajnuna, bħal kull żjara li nagħmlu f’xi clinic jew sptar tal-gvern u elf ħaġa oħra.  Ma’ dawn hu importanti wkoll li jpoġġi t-taxxi li nkunu qed inħallsu għax hemm naraw li filwaqt li l-għajnuna qed tiżdied b’rata kbira, l-ammont ta’ taxxi li nħallsu mhux kbir.  It-taxxi mhux jiżdiedu minħabba l-politika ta’ dal-gvern li bl-għajnuna li qed jagħti mhux biss qed isaħħaħ l-għajnuna lin-nies imma qed isaħħaħ id-dħul tiegħu biex jagħti din l-għajnuna mingħajr ma jżid it-taxxi għax qed ikabbar l-ekonomija.

Fuq l-enerġija għalkemm nafu li f’Malta din ma għolitx fil-prezz xorta nitkellmu ftit fuqha għax il-prezz mhux qed jaffettwana.  Biss nemmen li hu importanti li n-nies isiru konxji kemm kien ikollhom iħallsu għal enerġija li qed jużaw li kieku m’hemmx din l-għajnuna.  Dan għandu jsir biex in-nies jibdew joqogħdu attenti kif qed nużaw speċjalment l-elettriku u l-fuwil.  Għall-elettriku nifhem li l-kont tal-elettriku, barra l-kont issussidjat, għandu juri wkoll kemm ikun il-prezz li kieku l-konsumatur qed iħallas il-prezz tas-suq biex inġibu lin-nies aktar konxji għal żewġ raġunijiet – biex intejbu l-ambjent u t-tieni biex noqogħdu aktar attenti.  Anqas ma naħlu elettriku, anqas il-gvern ikollu joħroġ sussidji, u aktar ikollu flus biex jagħti sussidji f’oqsma oħra.  

Ekonomija

Sport