Thursday, June 11, 2026

Iż-żona qrib St Peter’s Pool tinsab magħluqa minħabba l-blata maqsuma li hija ta’ periklu

Aqra wkoll

B’referenza għall-artikli li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali dwar il-blata maqsuma li tinsab tul il-kosta tal-Kalanka tal-Qadi, f’Delimara, qrib St Peter’s Pool, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jixtieq jiċċara li diġà ttieħdu diversi miżuri ta’ sigurtà, fosthom it-tqegħid ta’ tabelli ta’ twissija u l-installazzjoni ta’ ċnut madwar il-partijiet perikolużi tal-kosta.

L-aċċess għal din iż-żona kien ingħalaq wara li ċediet parti mill-irdum, peress li l-wiċċ tal-irdum f’din il-parti ta’ Delimara huwa instabbli u joħloq riskju għas-sigurtà tal-pubbliku.

Ftit wara li ngħalaq l-aċċess għaż-żona, individwu ddikjara li huwa s-sid taż-żona ta’ taħt l-irdum, u sussegwentement beda proċeduri legali kontra d-Dipartiment dwar iċ-ċint u l-bieb li kienu ġew installati. Dawn il-proċeduri legali għadhom għaddejjin.

Minkejja li l-kawża fil-Qorti għadha pendenti, id-Dipartiment reġa’ għalaq l-aċċess għaż-żona l-Ħamis filgħodu permezz ta’ hoarding temporanju, minħabba li s-sezzjoni maqsuma tal-irdum għadha toħloq periklu għall-pubbliku.

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkompli jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex iħares is-sigurtà tal-pubbliku f’din iż-żona.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport