Friday, December 27, 2024

Ambjent f’idejna(ii)

Aqra wkoll

Fl-aħħar artiklu ffukajt fuq l-affarijiet li l-Gvern għandu bżonn jagħmel biex intejbu l-ambjent. Tajjeb nerġgħu nfakkru li l-ambjent ma tħassarx waħdu imma minħabba l-użu ħażin ta’ ħafna affarijiet. Dan it-tort mhux biss ġej minn ġenerazzjonijiet oħra, imma anki minn din preżenti. Il-biċċa hi li filwaqt li ġenerazzjonijiet antiki ma jistgħux jieħdu passi biex isewwu l-kriżi li qed niffaċċjaw illum u li ser tikber b’effetti aktar ħorox minn tal-lum, din ir-responsabbilta’ waqgħet fuq il-ġenerazzjoni tal-lum u dawk tal-futur.

Waħda mill-aktar ħaġa li tinkwetani hi li ħafna min-nies tal-lum, għalkemm jitkellmu fuq l-ambjent ftit li xejn jitkellmu fuq kif huma qed ibiddlu ħajjithom biex inwaqqfu l-ħsara fl-ambjent u wara intejbuh għal li kien qabel. Ftit nies jirrealizzaw li rridu jew ma rridux ħajjitna ser tinbidel. L-għażla li għandu l-bniedem illum hi jew jara kif jibdel l-użanzi ta’ ħajjitna tal-lum b’mod li waqt li nnaqqsu l-ħsara lill-ambjent imma fl-istess ħin ma nbatux, jew ikompli jeħżien l-ambjent u barra li jkollna nibdlu ħajjitna b’mod mgħaġġel u aħrax jkollna niffaċċjaw konsegwenzi ħorox.

Bħal ma diġa’ semmejt l-aktar ħaġa li ser tolqotna hi saħħitna. Meta s-sitwazzjoni tiħrax il-konsegwenzi jkunu aktar qawwija u ser jolqtu lil kulħadd, l-aktar l-anzjani imma anki żgħażagħ. Il-konsegwenzi mhux biss ser ikunu fuq in-nies imma wkoll fuq is-servizz tas-saħħa għaliex, bħal ma ġara’ meta l-arja saħnet sew, it-tendenza hi li l-ħruxija ambjentali ser toħloq pressjoni kbira fuq is-servizz tas-saħħa għaliex il-poplu f’dak iż-żmien ikun qed jiffaċċja kriżi. Il-periklu ser jiħrax aktar għax aktar ma jgħaddi ż-żmien anki l-ossiġnu fl-arja ser jonqos. Ma ninsewx li biex jgħix il-bniedem għandu bżonn l-ossiġnu.

Id-darba l-oħra semmejt li din id-darba, għall-ewwel darba, il-Gvern qed jieħu passi biex inkunu nistgħu niffaċċjaw il-kriżi ambjentali aktar aħjar. Imma l-poplu jrid jirrealizza li hu għandu sehem importanti ħafna, personalment inħoss aktar minn dak li jistgħu jagħmlu l-Gvernijiet.

Nieħu eżempju. Meta ftit ġimgħat ilu t-temperatura għoliet ‘il fuq minn 400c, l-aktar li laqtitna kien in-nuqqas tal-elettriku. L-ewwel ħaġa hi li naraw għaliex inħolqot din is-sitwazzjoni. L-aktar fattur importanti kien id-domanda għall-elettriku. Peress li d-domanda żdiedet l-ammont ta’ elettriku li beda jgħaddi mill-cables żdied u minħabba hekk dawn saħnu. Biex tgħaxxaqha minħabba s-sħana l-art saħnet ħafna u s-sħana tal-cables ma tferxitx. Meta ser terġa’ titla’ s-sħana, hekk ser jerġa’ jiġrilna bħal ma diġa’ ġara. Hu minħabba f’hekk li d-domanda rridu nnaqsuha.

Il-Gvern ma dak li għamel u ser jagħmel mhux ser jagħmel restrizzjonijiet fuq id-domanda, biex inaqqas id-domanda għall-elettriku; li jista’ jagħmel hu bħal ma qed tissuġġerixxi l-Oppożizzjoni li nilliberizzaw is-suq. Jekk isir hekk il-prezzijiet tal-elettriku u l-petrol ser jisplodu ‘l fuq bħal ma kien ġara fl-2009. Id-domanda għall-elettriku naqset. Naqset għaliex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għolew b’esaġerazzjoni.

L-impatt fuq il-poplu kien li qawwi ħafna. Il-faqar fl-enerġija tela’ minn 9% għall-24%. Dan ifisser li kwart tal-poplu ma kellux flus biex iħallas il-kontijiet u kellu għalhekk inaqqas l-użu tal-elettriku. B’hekk kellek nies li fix-xitwa ma setgħux isaħħnu darhom u fis-sajf minkejja li kellhom l-A/C xorta kellhom joqogħdu fis-sħana. Kien hemm impatt ieħor li ma tantx jissemma. Il-prezzijiet għall-enerġija għas-settur tan-negozju kien qawwi ħafna. Il-prezz li ffaċċja dan is-settur kien l-aktar għoli fl-UE. Ir-riżultat?…….naqas in-negozju u żdied il-qgħad** . Dawk li tilfu xogħolhom mhux biss kellhom kontijiet ta’ dawl m’għola s-sema imma kellhom anqas flus biex iħallsu.

Hemm soluzzjoni. Iva, irridu nnaqqsu d-domanda. Kemm hawn nies li wara dak li ħabbatna wiċċna miegħu ftit ta’ ġimgħat ilu, qed jagħmlu xi ħaġa biex inaqqsu d-domanda. Hemm ħafna affarijiet li rridu nibdew nieħdu ħsiebhom. Ħafna minnhom huma affarijiet żgħar li mhux ser jaffettwaw ħajjitna bħal, per eżempju, kull darba li toħroġ minn kamra mixgħula, titfiha? Meta qed tqabbad l-A/C qed tagħlaq il-kamra u kemm qed tagħmilha t-temperatura tal-A/C? Barra minn Malta qed jgħidulhom biex it-temperatura tal-A/C ma jniżżluwhiex anqas minn 260c biex filwaqt li tkun komdu f’darek xorta tkun qed tnaqqas ħafna mill-enerġija li tuża. L-istess qed jiġri fil-geysers. Ħafna nies qed iħalluh mixgħul il-ħin kollu minkejja li t-temperatura tal-ilma tkun għolja. Hemm min jgħid li b’daqshekk mhux ser tagħmel effett. Ir-raġuni hi li ħafna jew qatt ma semgħu bis-saying ‘take care of the penny and the pound will take care of itself’ jew din iqisuha bħala ħela ta’ żmien. Biss barra minn Malta dan il-qasam hu wieħed minn dawk li qed jagħtuha ħafna importanza speċjalment lit-tfal.

Qasam ieħor li l-konsumaturi jridu jieħdu ħsieb hu d-djar tagħhom billi jtejbu d-dar biex tkun aktar effiċjenti fl-enerġija billi tagħmilha insulated. Meta dar tkun insulated 100%, la tidħollok u lanqas toħroġ sħana. B’hekk sew fix-xitwa u sew fis-sajf tkun komdu f’darek mingħajr ma jkollok bżonn issaħħanha fix-xitwa u lanqas tkessaħha fis-sajf. Biex ikollok dar 100% insulated mhux possibbli, imma ‘l hemm irridu nersqu. Sfortunatament ftit nies Malta qed jagħtu kas dan. Kemm hemm nies li meta qed jixtru dar qed iħarsu lejn l-Energy Performance Certificate (EPC) li għandu jingħatalhom qabel ma jidħlu fil-kuntratt. Jekk ikollok dar li l-EPC juri li d-dar hi effiċjenti barra li jfisser li qed tħares l-ambjent, ifisser ukoll li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ser ikunu orħos u fuq numru ta’ snin tkun iffrankajt somma sew. Jekk l-EPC juri li d-dar mhux effiċjenti barra l-ħsara lill-ambjent, is-sid ser ikollu jħallas kontijiet aktar għoljin u fil-futur qarib ikollu jidħol għal spiża peress li l-UE qed tistabilixxi standards li d-djar kollha jrid ikollhom, sew dawk ġodda u anki dawk li jkunu nbnew. B’hekk l-ispiża tkun għolja ħafna.

L-ewwel semmejt lit-tfal. Hu importanti li t-tfal iż-żgħar ngħallmuhom jibdew jieħdu ħsieb il-ħela ta’ enerġija. Dan m’għandux isir billi noqogħdu nidħlu f’ħafna tagħrif, imma billi nkunu prattiċi u ngħallmuhom jibdew jieħdu ħsieb l-affarijiet tagħhom. Per eżempju, xi jridu jagħmlu biex it-tablet li jużaw jużawha b’mod effiċjenti biex ma jkollhomx jiċċarġjawha ta’ spiss. Dan jgħodd anki għal-laptops u affarijiet oħra tal-logħob. Dan barra affarijiet oħra. Jekk inkunu prattiċi l-ġenerazzjoni futura tkun tista’ tieħu ħsieb l-ambjent mingħajr ħafna sforzi.

Irridu niftakru li s-sehem tagħna hu kbir ħafna u nistgħu nieħdu ħsiebu billi nibdew minn issa biex nirranġaw ħajjitna biex barra li tħares l-ambjent u lilna nfusna tkun aktar effiċjenti għax innaqqsu l-kriżijiet u l-bżonn li nagħmlu tibdil qawwi f’ħajjitna.

** S’issa għadni ma smajt xejn min-naħa tal-istituzzjonijiet tan-negozji fuq il-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Jekk, ma sar l-ebda kumment pubbliku, għalija jfisser li dawn jaqblu mal-liberalizzazzjoni.

Ekonomija

Sport