l-funfair organizzat minn WasteServ fl-ECOHIVE Academy f’Marsaskala kien ta’ suċċess, hekk kif il-Ħadd mijiet ta’ familji marru biex igawdu ġurnata ppakkjata divertiment u attivitajiet edukattivi fuq it-tema tal-ambjent, li kienu kollha bla ħlas.
F’dan l-avveniment organizzat ftit jiem biss qabel il-Jum Dinji tal-Ambjent, kien hemm divertiment flimkien ma’ tagħlim biex titqajjem kuxjenza dwar is-sostenibbiltà u l-immaniġġjar responsabbli tal-iskart. “L-involviment tal-familji u t-tfal fis-sostenibbiltà huwa kruċjali biex tkompli titqajjem kultura ta’ responsabbiltà ambjentali. Avvenimenti bħal dan il-funfair jeduka u jispira azzjoni kollettiva lejn Malta aktar ekoloġika,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca qal li, “Avvenimenti bħal dawn huma importanti għal WasteServ. It-tfal konsistentement jgħaddulna messaġġ ċar – iridu jgħixu f’ambjent aħjar, aktar sostenibbli. Bħalma dawn l-inizjattivi jqajjmu kuxjenza fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, huwa daqstant ieħor importanti għall-pubbliku li jkompli bl-isforzi tiegħu fis-separazzjoni tal-iskart sabiex inkunu nistgħu nibqgħu mixjin lejn ekonomija iktar ċirkolari.”
Kemm it-tfal, kif ukoll l-adulti, ħadu sehem fi programm varjat li kien jikkonsisti f’magic shows, crafts, digital exhibits u logħob interattiv bħal climbing walls, football darts, u Jenga. It-tfal setgħu jiltaqgħu mal-eroj ta’ WasteServ – General Buzz, Commander Yellow, u Garbage Monster li wasslu l-messaġġ biex nieħdu ħsieb iktar l-ambjent.
Dan l-avveniment serva wkoll bħala pjattaforma għar-rebbieħa tal-Malta Waste Reduction Awards, li ppreżentaw il-proġetti innovattivi tagħhom u qasmu ideat dwar kif jista’ jitnaqqas l-iskart biex nimxu lejn iktar ekonomija ċirkolari.
Entitajiet nazzjonali fosthom Ambjent Malta, Circular Economy Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) kkontribwew b’ attivitajiet hands-on u esibiti informattivi, li komplew issawwru t-tema tas-sostenibbiltà matul dan l-avveniment.
Din l-inizjattiva ta’ suċċess hija parti mill-isforz usa’ ta’ WasteServ biex tinvolvi lill-pubbliku sabiex flimkien nkomplu nibnu futur aktar ekoloġiku. Permezz ta’ avvenimenti bħal dawn, l-istrateġija ECOHIVE qed tkompli tmexxi lil Malta ’l bogħod mid-dipendenza fuq il-miżbliet u lejn ekonomija verament ċirkolari biex b’hekk niżguraw ambjent aktar nadif u aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Hekk kif qed joqrob Jum Dinji tal-Ambjent fil-5 ta’ Ġunju, li jiffoka fuq it-tniġġis mill-plastik, inizjattiva bħal din tkompli tenfasizza l-impenn ta’ Malta favur l-edukazzjoni ambjentali u l-prattiki sostenibbli.