Saturday, October 26, 2024

Amerikana tmut wara li ġiet attakkata minn kelb il-baħar fil-Baħamas

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Amerikana mietet wara li ġiet attakkata minn kelb il-baħar waqt li kienet qiegħda togħdos qrib il-Baħamas.

Il-mara ta’ 58 sena minn Pennsylvania kienet fuq ‘excursion’ qrib il-Green Cay meta seħħ l-inċident. Aktar tard il-Pulizija qalet li l-kelb il-baħar li attakka lill-mara kien tar-razza “bull shark”. 

Minkejja li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku, l-attakki tal-klieb il-baħar huma rari ħafna. Kelliem għall-pulizija tal-Baħamas qalet lill-ġurnalisti li l-mara kienet fuq ‘excursion’ ma’ kumpanija lokali tat-‘tours’, li ħaditha f’żona popolari għall-għadis.

Il-vittma kienet iċċertifikata mejta mill-awtoritajiet tal-pajjiż wara li ttellgħet mill-baħar. Fil-ħin li seħħ l-attakk, il-cruiseliner Harmony of the Seas, kien sorġut f’Nassau u kien għadu kemm beda vjaġġ ta’ sebat ijiem fil-Punent tal-Karibew.

Dan l-inċident, huwa l-ewwel attakk fatali ta’ klieb fil-Baħamas mill-2019, meta mara ta’ 21 sena minn Kalifornja ġiet attakkata minn klieb il-baħar qrib Rose Island, madwar nofs mil bogħod minn fejn seħħ l-inċident tat-Tlieta li għadda. 

F’inċident ieħor riċenti, tifel Ingliż ta’ tmien snin weġġa’ wara li ġie attakkat minn tliet klieb il-baħar f’parti oħra tal-Baħamas. Iktar tard missieru qal lill-ġurnal The Sun li l-attakk “kien qisu xena minn Jaws.” 

Matul is-sena li għaddiet, globalment, seħħew total ta’ 73 attakk ta’ klieb il-baħar li ma kinux ipprovokati. Disgħa minn dawn l-attakki kienu fatali. 

Sport