Rabti ta’ 66 sena ġie kkundannat biex jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammetta li kellu roti misruqa.
Ir-raġel kien akkużat li f’Ġunju tal-2021 u anke fix-xhur ta’ qabel laqa’ għandu roti tad-ditti Legnano, Mountain, Radford, Cross u Magis.
Huma ammetta quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fejn qalet li l-fedina penali tiegħu fiha ħafna kundanni fosthom ksur tal-liġijiet tas-sewqan, serq u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa.
Tqabbdu social workers fejn fir-rapport li ppreżentaw il-qorti kitbu li “huwa għandu bżonn jagħraf sew it-tip ta’ nies li jagħmel negozju magħhom biex jiġi żgurat li ma jkollux reati oħra fil-futur”.
Fl-istess rapport intqal li r-raġel jidher li miexi fit-triq it-tajba u għalhekk issuġġerew li minflok ħabs jingħata xogħol fil-komunità biex jagħti xi ħaġa lura lis-soċjetà.
Il-Maġistrat Farrugia aċċeetta s-suġġeriment tas-social workers u ordnat li Abela jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley.