Monday, December 23, 2024

Amnesty International titlob laqgħa “urġenti” mal-Premier League Ingliż

Aqra wkoll

Amnesty International kitbet lill-kap eżekuttiv tal-Premier League Ingliż, Ri­chard Masters, fejn talbet għal laqgħa “urġenti” dwar bidliet proposti għar-regoli tat-teħid ta’ clubs tal-football.

Dan seħħ wara t-teħid ta’ Newcastle minn grupp appoġġat mill-Arabja Sawdija.

Il-Premier League qal li s-sidien il-ġodda kienu separati mill-istat.

Iżda l-kap eżekuttiv ta’ Amnesty International UK, Sacha Deshmukh, qal li l-ftehim qajjem numru ta’ “mistoqsijiet inkwetanti”.

It-teħid kien iffinanzjat 80% mill-Fond ta’ Investiment Pubbliku tal-Arabja Sawdija, li l-president tiegħu huwa l-Prinċep tal-Kuruna, Mohammed bin Salman.

Hemm ħafna kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mar-renju, iżda l-Premier League qal li rċieva assigurazzjonijiet legali mingħand is-sidien il-ġodda li l-istat Sawdi mhux se jikkontrolla lil Newcastle United u jkun hemm pieni jekk ikun ippruvat mod ieħor.

“Il-mod kif il-Premier League xejjen dan il-ftehim iqajjem għadd ta’ mistoqsijiet inkwetanti ħafna dwar il-ħasil tal-isport, dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-isport, u dwar l-integrità tal-football Ingliż,” qal Deshmukh.

“Kif jista’ jkun sew li t-test attwali tas-si­dien u d-diretturi tal-Premier League m’għandux xi jgħid dwar id-drittijiet tal-bnie­dem?”

Bħalissa għaddejja reviżjoni mmexxija mill-partitarji dwar il-football Ingliż u l-go­vernanza tiegħu.

Il-Ministru tal-Isport, Nigel Huddleston, qal riċentement li l-akkwisti ta’ kwalunkwe club huma “kwistjoni tal-football”.

Huwa qal li jistenna li jkun applikat test tajjeb u xieraq iżda żied jgħid li: “Fl-aħħar tal-ġurnata rridu nafdaw lill-football biex jagħmel xogħlu u jieħu ħsieb tiegħu nnifsu”.

Deshmukh żied jgħid li: “L-avvenimenti tal-ġimgħa li għaddiet ser ‘isellfu’ saħansitra aktar urġenza għar-reviżjoni kontinwa tal-gvern għall-governanza tal-football Ingliż.

“Il-football huwa sport globali fuq stadju globali – jeħtieġ b’mod urġenti li jaġġorna r-regoli tal-pussessi tiegħu biex jipprevjeni lil dawk implikati fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem milli jixtru l-passjoni u l-faxxinu tal-football Ingliż.”

Ekonomija

Sport