Wednesday, July 24, 2024

Amorim u Nagelsmann … alternattivi ta’ Alonso ma’ Liverpool?

Aqra wkoll

Skont rapporti, Liverpool identifikaw lil Ruben Amorim ta’ Sporting Lisbon u lil Julian Nagelsmann tal-Ġermanja bħala għażliet alternattivi jekk jonqsu milli jiffirmaw lil Xabi Alonso dan is-sajf.

Ir-Reds qed ifittxu manager ġdid wara li x-xahar li għadda Jurgen Klopp ħabbar li se jitlaq lil Liverpool fi tmiem l-istaġun.

Nhar il-Ħadd li għadda Klopp mexxa lil Liverpool f’Wembley hekk kif ir-Reds re­bħu l-League Cup, filwaqt li jinsabu fil-quċċata tal-Premier League, fil-ħames round tal-FA Cup u fl-Aħħar 16 tal-Europa League.

U ż-żarbun tal-Ġermaniż se jkun inkre­dibbilment diffiċli biex jimtela bl-eks midfielder ta’ Liverpool, Xabi Alonso, bħalissa favorit li jieħu t-tmexxija mingħand Klopp fis-sajf li ġej.

Madankollu, interess miċ-champions renjanti tal-Bundesliga, Bayern Munich,   ifisser li Liverpool issa jistgħu jiffaċċjaw battalja biex jattiraw lill-Ispanjol.

Anke Thomas Tuchel se jħalli l-pożiz­zjoni tiegħu fi tmiem dan l-istaġun u Ba­yern ukoll għamlu lil Alonso fil-mira ewlenija tagħhom.

Ġurnal influwenti Ingliż, isostni li Li­verpool issa identifikaw lil Amorim u lil Nagelsmann ‘bħala alternattivi potenzjali jekk il-club ma jkunx jista’ jipperswadi’ lil Alonso biex iħalli lil Bayer Leverkusen u jingħaqad magħhom f’Anfield.

Alonso ggwida lil Leverkusen fl-ewwel post tal-Bundesliga bit-team tiegħu għadu ma tilifx waħda mit-23 partiti tagħhom dan l-istaġun u issa qed igawdu vantaġġ ta’ tmien punti fil-quċċata tal-klassifika wara r-rebħa ta’ 2-1 fuq Mainz nhar is-Sibt.

Liverpool ‘bl-ebda mod m’huma assigurati li jipperswadu lil Alonso’ biex jingħaqad mal-club tal-Premier League fis-sajf u bil-kuntratt ta’ Alonso fadallu sal-2026 f’Leverkusen, huma ‘neċessarjament qed iħarsu lejn alternattivi’.

Il-media Spanjola semmiet ukoll l-‘effett domino’ li mistenni fuq il-bankijiet dan is-sajf b’Liverpool, Bayern Munich u Barcelona kollha qed ifittxu manager ġdid.

Il-postijiet battala imminenti fit-tliet clubs qed ‘jikkawżaw li l-ispekulazzjoni titla’ mas-sema’ madwar l-Ewropa b’Alonso issa l-’aktar figura mixtieqa’ fis-suq tal-managers wara l-isfruttamenti tiegħu f’Leverkusen.

Il-futur ta’ Alonso qed isir ‘uġigħ ta’ ras’ għal Leverkusen u ‘kollox jindika’ li huwa dak li Liverpool għażlu biex jieħu post Klopp f’Anfield.

Madankollu, ‘m’hemm l-ebda indikaz­zjonijiet’ li diġà sar ftehim hekk kif il-club tal-Premier League qed ifittex coach ġdid ‘b’konformità mal-istorja ta’ Liverpool’.

Ekonomija

Sport