Friday, November 15, 2024

Analista finanzjarju jisħaq li pagi diċenti għandhom jirriflettu l-valur tal-ħaddiema

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-analista finanzjarju Steve Ellul stqarr il-fehma tiegħu li pajjiżna jrid jersaq aktar lejn il-ħsieb li l-paga tkun tirrifletti l-valur u mhux il-prezz tal-ħaddiem. 

Huwa stqarr dan f’intervista ma’ L-Orizzont fil-kuntest tal-ħtieġa li l-paga minima tiġi riveduta biex tagħti ħajja diċenti lill-ħaddiem.

Ellul beda biex qal li l-andament ekonomiku li rajna fl-aħħar snin f’pajjiżna kien wieħed bla preċedent. Dan kien ifisser li żdiedu ħafna l-impjiegi u aktar nies imxew ‘il quddiem f’ħajjithom. 

“Illum fil-banek għandna mal-€24 biljun. Qatt ma kellna daqshekk flus fil-banek,” qal Ellul. Huwa żied jgħid però li hemm faxex ta’ nies fis-soċjetà li dan l-andament ekonomiku jew mhux iħossuh jew inkella qed iħossuh ħafna inqas minn oħrajn. Qal li l-għoli tal-ħajja li qed nesperjenzaw bħalissa qed ikompli jżid din il-problema.

“Il-fatt li jekk qabel sa ftit taż-żmien ilu, meta l-għoli tal-ħajja kien baxx ħafna, allura anke l-pagi relettivament baxxi kienu sa ċertu punt adegwati, l-għoli tal-ħajja kif inhu llum qed iħalli impatt fil-ħajja tan-nies,” qal Ellul.

Huwa saħaq li jekk persuna għandha salarju ta’ kważi €800 fix-xahar, illum il-ġurnata hi diffiċli ħafna tiġġustifika dik il-paga bħala li hi biżżejed biex wieħed jgħix b’mod diċenti. Hemm imbagħad ċirkostanzi oħra fejn persuni jkunu qed jgħixu fil-kera, u f’ċertu każi l-kirjiet ikunu mhux daqstant ‘il bogħod mill-paga minima.

“Irridu naraw li jkollna impjiegi ta’ kwalità u allura nżidu l-produttività”

L-analista finanzjarju żied jispjega li “ċ-ċirkostanzi qed jinbidlu. L-argument tiegħi hu li l-ħaddiem għal kull siegħa xogħol li huwa jagħmel għandu jkollu salarju adegwat, paga diċenti mhux paga minima. Aħna diġà għamilna passi kbar. Kien hemm snin twal fejn il-paga minima ma nbidlitx. Mill-2017 ‘l hawn, il-paga minima bdiet tissaħħaħ u bdew proċessi biex in-nies ma jdumux fuq il-paga minima. 

“Imma qed nitkellem lil hinn mill-paga minima. Anke dawk li jaqilgħu ftit aktar mill-paga minima. Irridu naraw li jkollna impjiegi ta’ kwalità, allura nżidu l-produttività. Naħseb li m’għandniex nitkellmu biss fuq il-paga minima imma għandna nitkellmu wkoll fuq il-kompetittività tal-pajjiż,” qal Ellul.

Huwa tenna wkoll li wasal iż-żmien li niddiskutu bis-serjetà madwar medja – min iħaddem u dawk li jirrappreżentaw il-ħaddiema u anke dawk li jfasslu l-politika – biex ikun aċċertat li pajjiżna jżid fil-kompettitività tiegħu. Qal li dak li nipproduċu jrid ikun ta’ livell aktar għoli.

“Dan nagħmluh billi nassiguraw fost affarijiet oħra, li l-ħaddiema tagħna, b’mod partikolari dawk li qegħdin fuq il-paga minima jew ftit aktar, intuhom it-taħriġ neċessarju sabiex minflok jipproduċu dak li qed jagħmlu llum, ikunu kapaċi jipproduċu affarijiet oħrajn ta’ kwalità aktar għolja,” tenna Ellul. 

Ta’ min jgħid li ftit tal-jiem ilu l-Parlament Ewropew laħaq qbil fuq regoli ġodda dwar paga minima adegwata fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn ir-regoli hemm id-dritt għall-ħaddiema li jkunu rappreżentati fi trejdunjin u jkun hemm rimedju f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet kif ukoll li jiġi msaħħaħ il-proċess tan-negozjar kollettiv fil-pajjiżi li d-densità trejdunjonistika hi ta’ inqas minn 80%. 

Ekonomija

Sport