Monday, May 13, 2024

Analiżi: Il-proċess elettorali fl-Istati Uniti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Ruben Briffa

Minn nhar it-Tlieta li għadda, il-jum li fih saret il-votazzjoni ġewwa l-Istati Uniti, ħafna nies madwar id-dinja għamlu ħafna ħin quddiem is-sett tat-televiżjoni jew inkella fuq l-internet isegwu l-andament tal-għadd tal-voti. Is-sistema ta’ kif jinħatar il-President Amerikan u l-Viċi tiegħu hija rregolarizzata minn Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni Amerikana. 

Għalfejn l-elezzjoni ssir nhar ta’ Tlieta?

Id-drawwa li l-elezzjoni presidenzjali ssir nhar ta’ Tlieta ġejja mill-fatt, li għan-nies li għexu qabilna, din il-ġurnata kienet l-aktar waħda ideali minħabba li l-Ħadd kienu jmorru għall-funzjonijiet reliġjużi tagħhom u l-għada t-Tnejn kien ikollhom ċans imorru biż-żwiemel tagħhom lejn il-post tal-votazzjoni. B’hekk kienu jlestu mill-votazzjoni tagħhom qabel il-jum tal-Erbgħa li kien sinonimu mad-diversi swieq li kienu jiġu organizzati sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom. Ix-xahar ta’ Novembru kien intgħażel għaliex jiġi bejn żmien il-ħsad u l-bidu tax-xitwa. B’hekk, il-votanti ma kinux jitilfu mill-ħin dedikat għax-xogħol u jagħmlu vjaġġ komdu lejn il-postijiet tal-votazzjoni f’temp li jippermetti.

Il-membri tal-Kulleġġ Elettorali

Kif jafu ħafna, speċjalment wara dak li kien ġara fl-elezzjoni ta’ erba’ snin ilu, il-votazzjoni għall-ħatra ta’ President u għall-Viċi President mhijiex waħda diretta, jiġifieri ċ-ċittadini ma jaħtrux lill-President direttament bil-voti tagħhom. Il-voti taċ-ċittadini Amerikani jiġu kkonvertiti f’rebħ ta’ numru ta’ siġġijiet magħrufa bħala l-Membri tal-Kulleġġ Elettorali. Kull stat għandu numru ta’ siġġijiet li huma ekwivalenti għan-numru ta’ senaturi u membri li kull wieħed mill-istati għandu fil-Kungress Amerikan. Flimkien mal-50 stat li jiffurmaw l-Istati Uniti, hemm ukoll il-belt ta’ Washington DC li għandha n-numru ta’ siġġijiet tagħha, li skont il-kostituzzjoni għandu jkun ekwivalenti għall-iżgħar numru ta’ siġġijiet li għandhom l-istati, li bħalissa huwa tlieta.

Minkejja li fil-passat kienet il-prassi li dawn il-Membri tal-Kulleġġ Elettorali jinhatru permezz ta’ vot popolari, jiġifieri votazzjoni diretta fejn iċ-ċittadin jagħmel l-għażla tiegħu, illum ħafna stati qegħdin ikollhom il-Membri tal-Kulleġġ Elettorali tagħhom innominati u approvati mill-konvenzjonijiet tal-partiti li jsiru fuq livell statali. Hemm ukoll ftit stati li fihom il-membri jiġu magħżula billi ssir elezzjoni interna fi ħdan il-partiti.

Kif jintgħażel il-President

B’kollox, il-50 stat Amerikan u Washington DC jipprovdu 538 siġġu. Sabiex jinħatar bħala l-President tal-Istati Uniti, kandidat irid jirbaħ 270 jew aktar ta’ dawn is-siġġijiet. Ġeneralment, minħabba li jkunu maħtura direttament mill-partiti, kif rajna aktar ‘il fuq, il-vot tal-Membri tal-Kulleġġ Elettorali imur għall-kandidat presidenzjali tal-partit li nnominah, għalkemm mhumiex obbligati li jagħmlu hekk. Il-votazzjoni mill-Membri tal-Kulleġġ Elettorali mistennija ssir fl-14 ta’ Diċembru li ġej. Imbaghad fis-6 ta’ Jannar tas-sena l-ġdida, il-Kungress jgħodd il-voti tal-Kulleġġ u jikkonferma l-ħatra tal-president il-ġdid.

Kemm-il darba l-ebda kandidat presidenzjali ma jirnexxielu jġib il-270 vot mill-Kulleġġ Elettorali, il-ħatra tiegħu tgħaddi f’idejn il-Kamra tar-Rappreżentanti. F’ċirkostanzi simili, il-ħatra tal-Viċi President tgħaddi f’idejn is-senat.

Fejn ixaqilbu l-istati

Kemm fl-elezzjoni presidenzjali ta’ erba’ snin ilu, u aktar u aktar f’dik ta’ din is-sena, il-media internazzjonali kienet iddominata mill-mappa tal-Istati Uniti mpenġija b’kuluri ħomor u koħol sabiex juru fejn qiegħda tmur il-maġġoranza ta’ kull stat. Filwaqt li kull wieħed miż-żewġ partiti l-kbar għandu l-fortizzi tiegħu, dawk li l-Amerikani jsejħulhom bħala s-‘Safe States’, hemm numru ta’ stati fejn il-voti prattikament jinqasmu bin-nofs u oħrajn għandhom ħafna aktar floating voters mill-bqija. Dawn tal-aħħar huma magħrufin bħala l-“Iswing States”. 

Ir-Repubblikani kważi dejjem jirbħu l-istati ta’ Idaho, Wyoming, iż-żewġ Dakoti, Montana, Utah, Kansas, Oklahoma u Nebraska kif ukoll ħafna mill-istati li wieħed isib fin-nofsinhar tal-pajjiż li jinkludu Alabama, Texas, Mississippi, Louisiana, Arkansas, Tennessee, South Carolina kif ukoll Alaska. 

Id-Demokratiċi għandhom il-fortizzi tagħhom fl-istati ta’ New York, New Jersey, Maryland, Delaware, Vermont, Massachusetts, Rhode Island u Connecticut flimkien ma’ ħafna mill-istati li jinsabu fin-naħa tal-punent tal-pajjiż bħal California, Oregon, Washington kif ukoll l-istat tal-Hawaii.

Naturalment, wieħed jista’ faċilment jiddetermina liema huma l-iswing states minħabba li fihom ikun hemm il-konċentrazzjoni tal-kampanji elettorali. Minkejja li l-iswing states jinbidlu xi ftit minn elezzjoni għall-oħra, fl-elezzjoni presidenzjali ta’ din is-sena, rajna repetizzjoni ta’ ħafna mill-iswing states li konna rajna erba’ snin ilu fil-ġlieda bejn Donald Trump u Hillary Clinton. 

Dawn jinkludu l-istati ta’ Wisconsin, Pennsylvania u Michigan li flimkien jinsabu f’żona magħrufa bħala r-Rust Belt, isem li ġej minħabba li matul is-snin, dawn l-istati tilfu numru kbir ta’ industriji li kienu ilhom żmien jagħtu l-għajxien liċ-ċittadini u li t-telfien tagħhom irriżulta fi tnaqqis kbir fil-livell tal-għajxien tagħhom. Huwa proprju minħabba din id-dekadenza ekonomika li dawn l-istati imlaqqma bħala li huma msaddin. Stati oħra meqjusin bħala ‘swing states’ huma dawk ta’ New Hampshire, Minnesota, Arizona, Georgia, Florida u Michigan.

X’mar ħażin fis-sondaġġi?

L-ewwel konklużjoni li ħarġet wara biss ftit sigħat li beda l-għadd tal-voti tal-elezzjoni fl-Amerika kienet dik li dak li kienu qegħdin jgħidu l-polls kien żbaljat bil-kbir. Dawn kienu qegħdin jipprevedu rebħa kbira ħafna għal Joe Biden, meta fir-realtà rajna waħda mill-akbar elezzjonijiet bilanċjati ta’ kull żmien.

Dawn is-sondaġġi marru żmerċ bil-kbir fi stati bħal Ohio, fejn Trump ġab xejn anqas minn 7% aktar minn dak li kien mistenni u f’Wisconsin fejn Trump mar aħjar mill-previżjonijiet tas-sondaġġi bi 8%. L-istess ġara fl-Istat ta’ Florida, fejn skont il-polls, dan l-istat kellu jkun wieħed mill-aktar inċerti, meta fil-fatt kien wieħed mill-ewwel stati li fih ir-riżultat kien skjettament favur Trump.

Fost ir-raġunijiet li qegħdin jagħtu l-ġurnali li kkummissjonaw dawn is-sondaġġi għall-falliment tagħhom huwa li huma assumew li l-votanti Ispaniki kienu sejrin jivvutaw b’mod omoġenitiku fl-istati kolla, meta rriżulta li dan ma kienx il-każ. Fattur ieħor li qiegħed jissemma għalfejn dawn marru daqshekk żmerċ kien il-fatt li l-votanti ta’ edukazzjoni baxxa u li għalhekk dawk li ftit jieħdu sehem f’dawn is-sondaġġi huma ferm aktar konservattivi mill-bqijja tal-popolazzjoni u għalhekk dejjem ixaqilbu aktar lejn il-Partit Repubblikan.

Din l-aħħar votazzjoni fl-Istati Uniti kkonfermat li l-Istati Uniti huwa pajjiż tassew maqsum politikament. Żgur li mhuwiex sejrin ikunu erba’ snin faċli għal min ikun qieghed imexxi lil dan il- pajjiz, aktar u aktar minhabba diversi dikjarazzjonijiet li smajna mill- kamp Repubblikan waqt l-għadd tal-voti li żgur sejrin iħallu impatt negattiv ferm fuq kemm l-Amerikani sejrin jafdaw lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport