Il-leaders Hibernians fallew żewġ punti prezzjużi fit-tentattiv tagħhom li jirbħu l-BOV Premier League għat-13-il darba fl-istorja tagħhom, u minn dan kienu Floriana u Hamrun Spartans, li jinsabu t-tieni u t-tielet fil-klassifika, li approfittaw biex issa jinsabu sitt punti u tmienja warajhom rispettivament bl-Ispartans ikollhom logħba inqas minnhom.
Fil-logħbiet l-oħra kien hemm ir-rebħa ta’ Gzira United fuq Sliema Wanderers kif ukoll minn Gudja United fuq Sta Lucia u Birkirkara fuq Balzan.
Hibernians ġew miżmuma draw 1-1 minn Sirens biex issa dawn tal-aħħar jinsabu trankwilli fit-tmien post bi tmien punti vantaġġ fuq ż-żewġ timijiet ta’ Sta Lucia u Mosta li flimkien ma’ Sliema Wanderers jidhru li se jkunu l-protagonisti fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni.
Il-Pawlisti baqgħu bla megħluba fl-14-il logħba li lagħbu li minnhom ħadu ħames draws, erbgħa bl-iskor ta’ 1-1 u waħda mingħajr goals.
Hibernians ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara kwarta logħob fetħu l-iskor meta Jurgen Degabriele żamm l-appuntament mal-goals u sab ix-xibka għat-tmien darba dan l-istaġun.
Iżda 18-il minuta mit- tmiem it-team minn San Pawl il-Baħar kiseb punt, li kien wieħed mistħoqq meta għalihom sab ix-xibka Kemar Reid għas-sitt darba bil-goals tiegħu qed ikunu importanti fil-pożizzjoni li jinsabu fiha.
Hamrun Spartans għamluhom erba’ rebħiet wara xulxin meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1 u b’hekk għamlu double meta anke fl-ewwel round ħarġu rebbieħa bl-istess riżultat.
Il-goals Ħamruniżi ġew fl-34 minuta meta Claude Dielna sfrutta free-kick ta’ Luke Gambin u bir-ras sammar il-ballun fir-rokna ta’ fuq. Madankollu, ħames minuti wara, Mosta, li jinsabu f’pożizzjoni prekarja, kisbu d-draw meta Clayton Failla skorja minn penalty mogħti minn surmast li rari jfalli mill-11-il metru.
Iżda minn hemm u minn hawn il-goal tar-rebħa Ħamruniża wasal ħames minuti fit-tieni taqsima, din id-darba l-protagonista jkun Joseph Mbong li sab ix-xibka mir-rebound u fl-istess ħin ħalla lill-Ispartans jittamaw li jersqu iktar lejn il-quċċata fit-tentattiv li jżommu t-titlu għat-tieni darba wara l-oħra.
L-aqwa logħba tal-ġimgħa kienet id-derby tal-ġirien, bejn Floriana u Valletta, li ġiet mirbuħa mill-Furjaniżi bl-iskor ta’ 2-0 b’goal f’nofs l-ewwel taqsima u ieħor lejn tmiem il-partita.
B’hekk Floriana kisbu double fuq Valletta wara 30 sena meta fl-istaġun 1990-91 kienu għelbuhom bl-iskor identiku ta’ 1-0. Dan meta fl-istess staġun kienu lagħbu darbtejn kontra xulxin u mhux erba’ darbiet.
Barra minn hekk għall- Beltin din kienet it-tielet telfa konsekuttiva li fihom skorjaw goal wieħed biss li hija xi ħaġa rari li ssir minn team tal-kalibru tagħhom għalkemm dawn l-affarijiet fil-football iseħħu.
Il-Greens marru fil-vantaġġ fl-24 minuta b’goal ta’ Andrei Ciolacu waqt li dak li ssiġillalhom ir-rebħa wasal mis-sostitut Eugeniu Ribenja li għeleb lill-goalkeeper Alessandro Guarnone b’daqqa ta’ ras, fit-62 minuta.
Gudja United irkupraw mit-telfa 2-1 fl-aħħar logħba tagħhom xahar ilu meta għelbu lil Sta Lucia bl-iskor deċiżiv ta’ 3-0 fejn il-protagonista għalihom kien Aidan Friggieri li skorja doppjetta li kienet l-unika waħda li saret f’dan il-programm.
B’din ir-rebħa l-Gudjani nqatgħu bi tliet punti mill-istess Sta Lucia u minn Mosta waqt li tefgħu iktar fl-inkwiet lil Sliema Wanderers li issa jinsabu 11-il punt distakkati mit-team li jinsab ir-raba’ mill-aħħar.
Għas-Saints din kienet il-ħames logħba bla rebħa meta minn 15-il punt ħadu tnejn biss fi draws kontra Balzan u Gzira United.
Iż-żewġ timijiet kellhom players li ddebuttaw dan l-istaġun l-aktar notevoli jkunu l-goalkeeper veteran Justin Haber għal Sta Lucia u Matias Muchardi għal Gudja.
L-ewwel goal Gudjan wasal minuta qabel il-mistrieħ minn Friggieri li ġie servut minn Muchardi bl- istess player jagħmilhom tnejn fit-52 minuta meta sab ix-xibka b’xutt minn pożizzjoni djagonali.
Iżda dan ma kienx it-tmiem għal Gudja meta fis-86 minuta kien Tensior Gusman li ssiġilla r-rebħa b’daqqa ta’ ras meta għalih dan kien ir-raba’ goal staġjonali.
L-istaġun “kalvarju” ta’ Sliema Wanderers jidher li mhux se jkollu bidu biex forsi jagħmlu tentattiv ħalli jsalvaw milli jiġu relegati għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.
Huma lagħbu 13-il logħba li minnhom ġew draw erba’ darbiet u tilfu d-disa’ logħbiet l-oħra waqt li skorjaw tmien goals, ma skorjawx fi tmien logħbiet u żammew żewġ clean sheets biss.
Bla dubju, fatti li ftit juru li t-team għandu xi tama li jsalva mis-sitwazjoni li sab ruħhu fiha mill-bidu tal-istaġun.
Il-Wanderers sfaw megħluba fid-derby tal-ġirien kontra Gzira United li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 biex b’hekk dawn jinsabu jaqsmu l-ħames post b’20 punt kull wieħed ma’ Valletta.
Sal-mistrieħ il-Maroons kienu diġá qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goals minn free-kick stupend ta’ Steve Pisani fit-12-il minuta u minn Maxuell Maia sitt minuti wara bl-iskor isir 3-0 fis-70 mnuta mill-eks tal-Wanderers, Jefferson de Assis.
Il-goal ta’ konsolazzjoni mill-Blues wasal fis-87 minuta – wara ħames logħbiet jew aħjar wara 458 minuti – minn daqqa ta’ ras ta’ Jean Paul Farrugia li għalih kien l-ewwel wieħed tal-istaġun.
Derby oħra tal-ġirien ra lil Birkirkara jagħmlu rimonta li rari naraw bħalha fil-kampjonat lokali meta dawru telfa ta’ 2-0 f’rebħa ta’ 3-2 li biha telgħu waħedhom fir-raba’ post u tefgħu lil Balzan fis-seba’ post b’19-il punt daqs Sirens.
Meta fl-ewwel taqsima Balzan fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals u sa ħames minuti mit-tmiem huma żammew l-istess skor żgur li ħadd ma basar li l-logħba kellha ddur fuq rasha.
Kienu Aleksa Andrejic (31 pen) u Uros Ljubomirac (43) li skorjaw għat-team ta’ Paul Zammit iżda l-Istripes urew xi ħaġa kif verament ikun football eċċitanti meta l-ewwel Luke Montebello (86) naqqas id-distakk u fil-ħin miżjud l-ewwel kien Jed Valletta (92) li kiseb id-draw wara li daħal bħala sostitut tliet minuti qabel. U dan ma kienx biżżejjed għax l-aħħar kelma kienet ta’ Diego Venancio (95) li skorja dak li kellu jkun il-goal li ta l-punti kollha lit-team immexxi mill-coach Olandiż, Andre Paus.
F’din l-14-il ġurnata tal-istaġun, it-total ta’ goals tela’ għal 19 wara li fit-13-il ġurnata kien ta’ 17-il goal f’ħames logħbiet u mhux sitta. Din id-darba l-players Maltin spiċċaw minn fuq 10-9 minn mal-barranin meta ġeneralment ikunu dawn tal-aħħar li jiskorjaw l-iżjed.