Wednesday, March 27, 2024

ASMK: Isir it-tielet programm tal-kampjonat Motocross

Aqra wkoll

Nhar l-Ħadd, 9 ta’ Jannar, ġie organizzat l-ewwel avveniment tas-sena mill-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK), fejn saret it-tielet round tal-Kampjonat Nazzjonali Motocross li għaliha rreġistraw 30 kompetitur.

Fl-ewwel tigrija ta’ Klassi A, Kyle Camil­leri u Paul Muscat issieltu għall-ewwel post qabel Kyle wettaq żball li poġġih fl-aħħar post. Minkejja dan Kyle wettaq rimonta impressjonanti biex spiċċa fit-tieni post, b’Melvin Borg fit-tielet post.

Kyle Camilleri patta għall-iżball tal-ewwel tiġrija meta rebaħ it-tieni waħda bil-kumditá quddiem Paul Muscat u Melvin Borg.

L-ewwel tliet postijiet fl-aħħar tal-ġurnata kienu Kyle Camilleri fuq KTM, Paul Muscat fuq Yamaha u Melvin Borg fuq Kawasaki, kollha b’magna 250cc.

Klassi B kompliet tipproduċi tigrijiet inte­ressanti hekk kif Biuren Grima fuq KTM 250 ikkumbatta ma’ José Azzopardi fuq Hus­qvana 125 u Aidan Galea fuq KTM 150 biex rebaħ l-ewwel tiġrija. Fit-tieni tigrija, Biuren kien qiegħed jipproduċi prestazzjoni oħra taj­ba qabel ma kien involut f’inċident ma’ sewwieq ieħor biex spiċċa t-tiġrija fil-ħames post filwaqt li José żamm lil Aidan warajh biex rebaħ t-tiġrija. José spiċċa l-ewwel overall fi Klassi B segwit minn Aidan u Biuren. 

Fil-Klassi tal-Veterani li rat 12-il sewwieq jieħdu sehem, Daniel Borg rebaħ l-ew­wel tiġrija minkejja li għamel żball fit-tluq. Fit-tieni post daħal Paul Deguara segwit minn William Sant. 

It-tieni tiġrija giet mirbuħa minn Daniel segwit minn Deguara li kiseb t-tieni post bi frazzjoni ta’ sekonda qabel Jethro Sant. 

Għalhekk l-ewwel tliet postijiet overall kienu Daniel Borg u Paul Deguara, it-tnejn fuq KTM, segwiti minn William Sant fuq Honda. 

L-avveniment li jmiss tal-Motocross se jittella’ nhar it-Tlieta, 10 ta’ Frar, festa pubblika, filwaqt li nhar  il-Ħadd li ġej, 23 ta’ Jannar, se jsir it-tieni round tal-Autocross.

Ekonomija

Sport