Thursday, April 18, 2024

Analiżi tal-Kampjonat Premier: Hibs ‘jiżolqu’ … Floriana u Hamrun S. japprofittaw

Aqra wkoll

Il-leaders Hibernians fal­lew żewġ punti prezzjużi fit-tentattiv tagħhom li jirbħu l-BOV Premier League għat-13-il darba fl-istorja tagħhom, u minn dan kie­nu Floriana u Hamrun Spartans, li jinsabu t-tieni u t-tielet fil-klassifika, li ap­profittaw biex issa jinsabu sitt punti u tmienja waraj­hom rispet­tivament bl-Ispartans ikollhom logħba inqas minnhom.

Fil-logħbiet l-oħra kien hemm ir-rebħa ta’ Gzira United fuq Sliema Wanderers kif ukoll minn Gudja United fuq Sta Lucia u Birkirkara fuq Balzan.

Hibernians ġew miżmuma draw 1-1 minn Sirens biex issa dawn tal-aħħar jinsabu trankwilli fit-tmien post bi tmien punti vantaġġ fuq ż-żewġ timijiet ta’ Sta Lucia u Mosta li flim­kien ma’ Sliema Wanderers jidhru li se jkunu l-prota­gonisti fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni.

Il-Pawlisti baqgħu bla megħluba fl-14-il logħba li lagħbu li minnhom ħadu ħames draws, erbgħa bl-iskor ta’ 1-1 u waħda mingħajr goals.

Hibernians ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara kwarta logħob fetħu l-iskor meta Jurgen Degabriele żamm l-appunta­ment mal-goals u sab ix-xib­ka għat-tmien darba dan l-istaġun.

Iżda 18-il minuta mit- tmiem it-team minn San Pawl il-Baħar kiseb punt, li kien wieħed mistħoqq meta għalihom sab ix-xibka Kemar Reid għas-sitt darba bil-goals tiegħu qed ikunu importanti fil-pożizzjoni li jinsabu fiha.

Hamrun Spartans għam­luhom erba’ rebħiet wara xulxin meta għelbu lil   Mos­ta bl-iskor ta’ 2-1 u b’hekk għamlu double me­ta anke fl-ewwel round ħar­ġu rebbieħa bl-istess riżultat.

Il-goals Ħamruniżi ġew fl-34 minuta meta Claude Dielna sfrutta free-kick ta’ Luke Gambin u bir-ras sammar il-ballun fir-rokna ta’ fuq. Madankollu, ħames minuti wara, Mosta, li jinsabu f’pożizzjoni pre­karja, kisbu d-draw meta Clayton Failla skorja minn penalty mogħti minn surmast li rari jfalli mill-11-il metru.

Iżda minn hemm u minn hawn il-goal tar-rebħa Ħam­­runiża wasal ħames minuti fit-tieni taqsima, din id-darba l-protagonis­ta jkun Joseph Mbong li sab ix-xibka mir-rebound u fl-istess ħin ħalla lill-Ispartans jittamaw li jersqu iktar lejn il-quċċata fit-tentattiv li jżommu t-titlu għat-tieni darba wara l-oħra.

L-aqwa logħba tal-ġim­għa kienet id-derby tal-ġirien, bejn Floriana u Valletta, li ġiet mirbuħa mill-Furjaniżi bl-iskor ta’ 2-0 b’goal f’nofs l-ewwel taqsima u ieħor lejn tmiem il-partita.

B’hekk Floriana kisbu double fuq Valletta wara 30 sena meta fl-istaġun 1990-91 kienu għelbuhom bl-iskor identiku ta’ 1-0. Dan meta fl-istess staġun kienu lagħbu darbtejn kontra xulxin u mhux erba’ darbiet.

Barra minn hekk għall- Beltin din kienet it-tielet telfa konsekuttiva  li fihom skorjaw goal wieħed biss li hija xi ħaġa rari li ssir minn team tal-kalibru tagħhom għalkemm dawn l-affarijiet fil-football iseħħu.

Il-Greens marru fil-vantaġġ fl-24 minuta b’goal ta’ Andrei Ciolacu waqt li dak li ssiġillalhom ir-rebħa wasal mis-sostitut Eugeniu Ribenja li għeleb lill-goalkeeper Alessandro Guarnone b’daqqa ta’ ras, fit-62 minuta.

Gudja United irkupraw mit-telfa 2-1 fl-aħħar logħba tagħhom xahar ilu meta għelbu lil Sta Lucia bl-iskor deċiżiv ta’ 3-0 fejn il-protagonista għalihom kien Aidan Friggieri li skorja doppjetta li kienet l-unika waħda li saret f’dan il-programm.

B’din ir-rebħa l-Gudjani nqatgħu bi tliet punti  mill-istess Sta Lucia u minn Mosta waqt li tefgħu iktar fl-inkwiet lil Sliema Wanderers li issa jinsabu 11-il punt distakkati mit-team li jinsab ir-raba’ mill-aħħar.

Għas-Saints din kienet il-ħames logħba bla rebħa meta minn 15-il punt ħadu tnejn biss fi draws kontra Balzan u Gzira United.

Iż-żewġ timijiet kellhom players li ddebuttaw dan l-istaġun l-aktar notevoli jkunu l-goalkeeper veteran Justin Haber għal Sta Lucia u Matias Muchardi għal Gudja.

L-ewwel goal Gudjan wasal minuta qabel il-mistrieħ minn Friggieri li ġie servut minn Muchardi bl- istess player jagħmilhom tnejn fit-52 minuta meta sab ix-xibka b’xutt minn pożizzjoni djagonali.

Iżda dan ma kienx it-tmiem għal Gudja meta fis-86 minuta kien Tensior Gusman li ssiġilla r-rebħa b’daqqa ta’ ras meta għalih dan kien ir-raba’ goal staġjonali.

L-istaġun “kalvarju” ta’ Sliema Wanderers jidher li mhux se jkollu bidu biex forsi jagħmlu tentattiv ħalli jsalvaw milli jiġu relegati għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.

Huma lagħbu 13-il logħba li minnhom ġew draw erba’ darbiet u tilfu d-disa’ logħbiet l-oħra waqt li skor­jaw tmien goals, ma skorjawx fi tmien logħ­biet u żammew żewġ clean sheets biss. 

Bla dubju, fatti li ftit juru li t-team għandu xi tama li jsalva mis-sitwazjoni li sab ruħhu fiha mill-bidu tal-istaġun.

Il-Wanderers sfaw megħ­luba fid-derby tal-ġirien kontra Gzira United li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 biex b’hekk dawn jinsabu jaqsmu l-ħames post b’20 punt kull wieħed ma’ Valletta.

Sal-mistrieħ il-Maroons kienu diġá qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goals minn free-kick stupend ta’ Steve Pisani fit-12-il minuta u minn Maxuell Maia sitt minuti wara bl-iskor isir 3-0 fis-70 mnuta mill-eks tal-Wanderers, Jefferson de Assis.

Il-goal ta’ konsolazzjo­ni mill-Blues wasal fis-87 minuta – wara  ħames logħbiet jew aħjar wara 458 minuti – minn daqqa ta’ ras ta’ Jean Paul Farrugia li għalih kien l-ewwel wieħed tal-istaġun.

Derby oħra tal-ġirien ra lil Birkirkara jagħmlu rimonta li rari naraw bħalha fil-kampjonat lokali meta dawru telfa ta’ 2-0 f’rebħa ta’ 3-2 li biha telgħu waħedhom fir-raba’ post u tefgħu lil Balzan fis-seba’ post b’19-il punt daqs Sirens.

Meta fl-ewwel taqsima Balzan fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals u sa ħames minuti mit-tmiem huma żammew l-istess skor żgur li ħadd ma basar li l-logħba kellha ddur fuq rasha.

Kienu Aleksa Andrejic (31 pen) u Uros Ljubomirac (43) li skorjaw għat-team ta’ Paul Zammit iżda l-Istripes urew xi ħaġa kif verament ikun football eċċitanti meta l-ewwel Luke Montebello (86) naqqas id-distakk u fil-ħin miżjud l-ewwel kien Jed Valletta (92) li kiseb id-draw wara li daħal bħala sostitut tliet minuti qabel. U dan ma kienx biżżejjed għax l-aħħar kelma kienet ta’ Diego Venancio (95) li skorja dak li kellu jkun il-goal li ta l-punti kollha lit-team immexxi mill-coach Olandiż, Andre Paus.

F’din l-14-il ġurnata tal-istaġun, it-total ta’ goals tela’ għal 19 wara li fit-13-il ġurnata kien ta’ 17-il goal f’ħames logħbiet u mhux sitta. Din id-darba l-players Maltin spiċċaw minn fuq 10-9 minn mal-barranin meta ġeneralment ikunu dawn tal-aħħar li jiskorjaw l-iżjed.

Ekonomija

Sport