Friday, December 13, 2024

Analiżi tal-Kampjonat Premier ta’ tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Wara li l-leaders Hibernians reġgħu fal­lew żewġ punti oħra, it-tielet darba konsekuttiva, it-taqtiegħa fil-quċċata tal-BOV Premier League qed tiżvolġi iktar interessanti meta nistgħu ngħidu li wara li l-Pawlisti dehru li se jiġru bil-kampjonat issa l-ewwel erba’ timijiet jinsabu mifrudin b’seba’ punti.

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda ntla­għab is-16-il programm tal-istaġun jiġifieri għat-tmiem kollox jista’ jiġri kemm fil-quċċata tal-klassifika kif ukoll fir-rigward tar-relegazzjoni meta għad hemm kollox x’jintrebaħ u x’jintilef mit-timijiet involuti.

Jekk fin-naħa ta’ fuq hemm erba’ timijiet fit-taqtiegħa, fiż-żona l-ħamra nistgħu ngħidu li hemm tlieta għalkemm it-tnejn ta’ fuqhom, li għandhom 20 punti kull wieħed, għadhom mhumiex salvi għal kollox meta għat-tmiem fadal 11-il logħba oħra għal kull team jew aħjar 33 punt għad-dispożizzjoni ta’ kul­ħadd u kollox jista’ jiġri.

Bħalissa bosta timijiet għaddejjin minn sensiliet pożittivi jew negattivi li jew jarawhom jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika jew inkella jibqgħu staġnati jew maqbuża mill-post li kienu qed igawdu sa ftit tal-ġimgħat ilu.

Team minn dawk li jid­ħlu f’waħda minn dawn il-kategoriji huma l-leaders Hibernians li minn distakk ta’ madwar 10 punti, issa dawn naqsulhom għal erb­għa minħabba li Floriana kisbu tliet rebħiet wara xulxin.

Il-Pawlisti kienu ġejjin minn żewġ draws ta’ 1-1 kontra Sirens u Mosta u issa ġew miżmuma fi draw ta’ 0-0 mill-ġirien Sta Lucia meta bħal ma kien il-każ fl-ewwel round iż-żewġ timi­jiet reġgħu marru lejn darhom b’punt kull wie­ħed.

Jista’ ikun li Hiber­nians qed iħossu n-nuqqas tal-midfielder Bjorn Kristensen li l-ġimgħa li għaddiet ġie operat b’suċċess f’irkoptu u issa għandu barra mill-inqas sitt xhur jiġifieri l-istaġun tiegħu huwa mitmum.

Min-naħa tal-Luċjani, is­sa ilhom sensiela ta’ sitt logħbiet ma jirbħu li minnhom ħadu tliet punti biss minn possibbilta’ ta’ 18 tant li neħħew lill-coach Oliver Spiteri b’postu jingħata lit-Taljan, Giovanni Tedesco, li issa ilu midħla sew tal-football Malti.

Floriana u Hamrun Spartans kienu nvoluti f’logħba interessanti li pproduċiet erba’ goals meta temmew fi draw ta’ 2-2 biex b’hekk id-distakk bejnhom u Hibernians baqa’ bħal ma kien il-ġimgħa l-oħra.

Min-naħa tal-Greens hu­ma l-iktar team li għaddej minn żmien feliċi meta għamluhom sitt logħbiet bla telfa tant li minn 18-il punt ħadu 14 li ġew minn erba’ rebħiet u żewġ draws.

Floriana dejjem kienu fil-vantaġġ fejn fetħu l-iskor kmieni fit-12-il mi­nuta minn Ryan Camenzuli u kellu jgħaddi ħin sew biex l-Ispartans jiksbu d-draw meta Jorge Ailton Soares għamilhom 1-1 fid-59 minuta.

Għal darb’oħra kienu Floriana li reġgħu marru minn fuq b’goal ta’ Rumyan Hovsepyan fl-64 minura iżda din id-darba l-Ispartans damu żewġ minuti biss biex kisbu d-draw finali minn Franklin Sasere fis-66 minuta.

Lejn it-tmiem kull team kellu player imkeċċi, Oualid El Hasni fil-85 mi­nuta għal Floriana bit-tieni karta safra u Claude Dielna fit-93 minuta b’karta ħamra diretta għall-Ispartans.

Birkirkara rritornaw għar-rebħ wara żewġ logħbiet meta għelbu lil Gzira United 1-0 biex issa huma dawn li nqabdu b’żewġ logħ­biet bla rebħa.

Miż-żelqiet li sofrew Hibernians, Floriana u Hamrun Spartans kienu l-Karkariżi li gawdew l-iktar meta avvanzaw żewġ punti fuq it-tliet timijiet imsemmja biex issa kull punt mirbuħ u mitluf se jagħ­mel id-differenza.

Il-goal li fired liż-żewġ timijiet wasal kmieni fl-10 minuta minn Luke Montebello li għalih kien it-tmien goal tal-istaġun. M’hemmx dubju li meta qed jiskorja b’mod konsistenza dan jagħmillu tajjeb għal meta jilgħab għal Malta.

L-istaġun ta’ Valletta qed ikompli jkun wieħed deludenti meta t-telfa li sofrew bl-iskor ta’ 3-1 kontra Gudja United kabbritilhom is- sensiela ta’ bla rebħ għal sitt logħbiet li fihom ħadu żewġ draws u sofrew erba’ telfiet.

Barra minn hekk huma skorjaw tliet goals biss li ġew minn Mario Fontanella u Ivan Curjunic tnejn, waqt li d-difiża sofriet disa’ goals li bla dubju mhix forma li wieħed jassoċjaha ma’ Valletta.

Min-naħa l-oħra Gudja jistgħu jgħidu li mindu ġew promossi tliet snin ilu huma saru l-‘bogey team’ tal-Beltin meta minn sitt konfronti rebħulhom erba’ darbiet, ġew draw darba u tilfu darba.

Il-United marru f’vantaġġ ta’ żewġ goals kmieni minn Ahinga Selemani fis-6 minuta u Matias Muchardi fit-22 minuta. Dan l-iskor dam sas-67 minuta meta Curjunic naqqas il-marġni, iżda Selemani għaqqad doppjetta fl-91 minuta biex kompla għarraq lil Valletta.

Għal Gudja din kienet it-tielet rebħa wara l-oħra li rathom ikomplu jitbegħdu miż-żona tar-relegazzjoni.

Logħba li pproduċiet ħa­mes goals rat lil Mosta jegħlbu lil Balzan 3-2 biex anke huma għamlu pass lejn is-salvazzjoni għal­kemm għadhom fiż-żona l-ħamra.

Wara li Balzan naqsu li jżommu vantaġġ ta’ żewġ goals kontra Birkirkara (2-3) u Hamrun Spartans (2-2), wara huma sofrew żewġ telfiet kontra Sliema Wanderers (0-1) u issa 3-2 kontra Mosta.

Kienu Balzan li fetħu l-iskor minn Bojan Kaljevic (8) meta fl-azzjoni anke qabeż lill-goalkeeper, iżda Mosta dawru l-iskor favur tagħhom minn penalty ta’ Clayton Failla (18) u Luis Riascos (34). Iżda Suleiman Jalu (42) kiseb id-draw għall-Balzanin.

Bil-logħba tidher li se tintemm fi draw kien William Donkin (88) li ta rebħa ferm prezzjuża lill-Mostin, li issa għandhom 15-il punt, tlieta iktar minn Sta Lucia u ħames minn Sliema.

Wara li kienu ilhom l-­is­ta­ġun kollu jitħabtu għall- ewwel rebħa – għalkemm din kisbuha kontra Valletta 2-1 iżda tilfuha wara protest – Sliema Wanderers issa għamluhom żewġ reb­ħiet wara xulxin meta l-ewwel għelbu lil Balzan 1-0 u issa lil Sirens 1-0 ukoll bl-eroj tagħhom ikun id-di­fensur Kurt Shaw li kien il-protagonista taż-żewġ goals.

Għaldaqstant meta kie­nu jidhru li ma kellhom l-ebda tama li jsalvaw issa l-Wanderers qed juru li fejn hemm il-ħajja hemm it-tama għalkemm it-tliet punti li tilfu fuq il-mejda għad jistgħu jkunu kruċjali meta fi tmiem l-istaġun isiru l-kontjiet.

Ekonomija

Sport