Friday, October 11, 2024

TARKA GĦAN-NIES

Miriam Dalli
Miriam Dalli
Ministru

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għoġbu jsejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela, “griż”. Lill-Bernard Grech drajnih joħroġ bi slogans biex jattira l-attenzjoni. Il-budget li salva 105,000 impjieg ddeskrivih bħala “Budget tal-virtual reality”…. daqs li kieku dawk il-105,000 familja jgħixu fil-ħajja virtwali. 

Il-Budget għal din is-sena, ta lil 95,000 pensjonant, 53,000 ħaddiem u 15,000 student żida ta’ €56 miljun, Bernard Grech iżda dan il-budget huwa short-sighted. Dak li għalih hu “griż”, “short-sighted” u “virtual reality” jirrappreżenta d-deċiżjonijiet għaqlija li Gvern Laburista qed jieħu biex iwieżen l-isfidi li n-nies jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Malta u Għawdex, mhumiex maqtugħa mill-bqija tad-dinja, imma qegħdin naħdmu kull ġurnata biex noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lill-poplu tagħna minn dik li qed jesperjenzaw popli oħra f’pajjiżi oħra li jinsabu għarkuptejhom bl-isfidi internazzjonali kbar li ġabet magħha l-pandemija. 

Id-deċiżjoni konxja ta’ Gvern immexxi minn Robert Abela hija li dan il-Gvern ma żiedx il-piżijiet fuq il-familji u jieħu l-passi kollha meħtieġa biex itaffi l-piżijiet ikkawżati minn pressjonijiet internazzjonali. Il-budgets ta’ Gvern Laburista mhux talli wieħed wara ieħor kienu mingħajr taxxi, iżda jieħdu deċiżjonijiet biex fejn jista’ l-Gvern jintervjeni u jnaqqas il-pressjoni minn fuq iċ-ċittadini. Per eżempju filwaqt li f’Malta, dan il-Gvern żamm l-istabilità fil-prezzijiet tal-fuel, fuq il-prezz tal-elettriku u fuq il-prezz tal-gass fost oħrajn, familji u negozji Ewropej kellhom iġorru l-piż huma.

Ir-realtà ma tinbidilx: Gvern Nazzjonalista kien żied il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal-livelli rekord u l-prezz tal-fuel kontinwament. Kien iġib l-iskuża tal-prezz internazzjonali taż-żejt biex jgħolli l-prezzijiet f’pajjiżna ħafna aktar  minn kemm jiżdied f’pajjiżi oħra. U Bernard Grech, għadu jħaddan l-istess politika. Kliemu stess meta mistoqsi mill-ġurnalisti, jikxfuh.

Aħna differenti għaliex filwaqt li l-pressjonijiet internazzjonali żdiedu, f’pajjiżna l-Gvern Laburista qed jara kif jipproteġi liċ-ċittadini b’għajnuniet u azzjonijiet differenti. Qed jaħdem kemm jiflaħ biex jiżdied id-dħul taċ-ċittadini, għalhekk iżid il-pensjonijiet kull sena, isaħħaħ iċ-Childrens Allowance u joffri inċentivi li jgħinu l-ħaddiema bi dħul baxx jew medju bħall-In-Work-Benefit.

Dan huwa Gvern għaqli li ħa ħsieb is-saħħa tan-nies. Żdiedet sew ir-rata ta’ tilqim, li jfisser li l-pajjiż ma jista’ jirrilaxxa aktar miżuri. Fi żmien ta’ pandemija, l-għaqal u d-determinazzjoni jitolbu konsistenza u mhux pożizzjoni li tixxengel mar-riħ. Il-Gvern baqa’ konsistenti jieħu d-deċiżjonijiet bbażati fuq il-ħarsien tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Minn naħa l-oħra l-Oppożizzjoni riedet lockdown totali, qalet li l-vaċċin mhux soluzzjoni u qablet ma’ miżuri li jagħtu saħħa lill-vaċċin biex imbagħad bidlet id-deċiżjoni  li ftit tal-ħin wara. Pożizzjoni ta’ Oppożizzjoni popolista u inkonsistenti.

Meta faqqgħet il-pandemija u żdiedet l-inċertezza, id-deċiżjoni ta’ dan il-Gvern kienet li nkunu aktar determinati fl-għajnuniet għal Għawdex. F’sentejn, kull ġurnata żewġ Għawdxin aktar bdew jaħdmu full-time u Għawdxi aktar beda jaħdem part-time. Hemm 2,000 post tax-xogħol aktar minn sentejn ilu u fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, f’Għawdex marru passiġġiera daqs kemm kienu marru fis-sena tal-pandemija. Investejna fit-tieni fibre optic cable u ftaħna l-ewwel Reverse Osmosis f’Għawdex biex noffru sigurtà u kwalità ta’ ilma aħjar għal Għawdxin.

L-istrateġija ta’ dan il-Gvern hija ċara: għalina jiġu l-ewwel iż-żgħażagħ, il-familji, il-pensjonanti u n-negozji biex, kuntrarjament għal min jipprova jbeżżagħhom, fina dejjem isibu spalla.

Sport