Friday, December 13, 2024

Ancelotti jikser is-silenzju fuq l-allegazzjonijiet ta’ frodi tat-taxxa

Aqra wkoll

Carlo Ancelotti kisser is-silenzju dwar allegazzjonijiet ta’ frodi tat-taxxa wara li l-prosekuturi talbu sentenza ta’ ħabs.

Allegazzjonijiet ta’ frodi tat-taxxa ma huma ta’ ebda tħassib għall-coach ta’ Real Madrid, Carlo Ancelotti.

It-Taljan ta’ 64 sena jinsab akkużat b’żewġ akkużi li naqas milli jiddikjara d-dħul mid-drittijiet tal-immaġni f’każ li jiswa €1,062,079. Huwa ċaħad l-allegazzjonijiet.

Il-prosekuturi tal-Istat Spanjol qed ifittxu sentenza ta’ erba’ snin u disa’ xhur ħabs wara li sostnew li waqqaf sistema “konfuża” ta’ kumpaniji barranin biex jaħbi l-qligħ tiegħu mill-ewwel kariga tiegħu fit-tmexxija ta’ Madrid, bejn l-2013 u l-2015.

“Hija storja antika u mhux qed taffettwani,” qal Ancelotti.

“Nittama li jista’ jiġi solvut dalwaqt u m’għandi l-ebda problema. Ninsab kalm dwarha. L-unika problema li għandi hija li t-team jeħtieġ li jagħmel aħjar.”

Real ġew draw 1-1 ma’ RB Leipzig fiċ-Champions League nhar l-Erbgħa filgħaxija, sigħat biss wara li ħarġu l-allegazzjo­nijiet kontra Ancelotti. Ir-riżultat kien biżżejjed biex jikseb il-kwalifika għall-ġganti Spanjoli għall-kwarti-finali.

L-eks manager ta’ Chelsea u Everton huwa ‘l bogħod mill-ewwel figura sportiva famuża li ttella’ quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Spanja. Lionel Messi, José Mourinho u Cristiano Ro­naldo kollha kienu nvoluti f’każijiet ta’ profil għoli matul is-snin.

“L-awtorità tat-taxxa tgħid li kont residenti dak iż-żmien u ma naħsibx li kont residenti,” kompla Ancelotti.

“Jien diġà ħallast il-multa, il-flus huma magħhom, u issa l-avukati qed jitkellmu biex jippruvaw isibu soluzzjoni. Jien konvint li jien innoċenti, li ma kontx residenti fl-2015, u huma jaħsbu li jien kont residenti. Ejja naraw x’jgħid l-imħallef.”

Ekonomija

Sport