Friday, September 6, 2024

Andrea Zammit jingħaqad ma’ Birkirkara FC

Aqra wkoll

Birkirkara FC laħqu ftehim biex jiffirmaw lill-attakkant Andrea Zammit.

L-attakkant żagħżugħ qabel ma’ termini personali mal-Istripes u ffirma kuntratt ta’ sentejn u nofs.

L-attakkant ta’ 20 sena ilu jfittex klabb ġdid peressli x-xahar li għadda laħaq ftehim biex iħalli l-klabb Taljan ACR Messina wara li tħabat biex jiskeb post regolari mat-tim tas-Serie C.

Zammit kien ħalla impressjoni pożittiva mal-klabb Taljan iżda ċ-ċansijiet tiegħu li jilgħab futbol aktar regolari ġew imxekkla minn regolament li jġiegħel lit-timijiet jilagħbu erba’ Taljani U-23 waqt il-logħbiet domestiċi tagħhom, bil-kowċ jippreferi jutilizza plejers żgħażagħ homegrown milli jutilizza lill-attakkant Malti.

L-eks attakkant ta’ San Ġwann għamel biss tliet dehriet bħala sostitut mal-klabb u dan wassal biex Zammit ikollu taħditiet mal-ogħla ġerarkija ta’ Messina biex iħalli l-klabb.

Mar-ritorn tiegħu Malta, Zammit beda jaħseb dwar l-għażliet tiegħu dwar fejn seta’ jkompli l-karriera tiegħu fil-futbol, hekk kif irċieva offerti kemm minn klabbs Maltin kif ukoll barranin.

Ħamrun Spartans kienu l-ewwel klabb li għamel kuntatt mal-plejer u fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, Zammit kellu wkoll taħditiet ma’ Birkirkara.

Matul dawn l-aħħar 48 siegħa ilhom għaddejjin taħditiet maż-żewġ klabbs qabel ma finalment Zammit iddeċieda li jingħaqad mal-Istripes.

Għal Birkirkara, l-akkwist ta’ Zammit huwa meqjus bħala spinta kbira hekk kif qed jakkwistaw wieħed mill-aktar attakkanti ta’ talent fil-futbol Malti.

L-Istripes se jkunu t-tieni klabb ta’ Zammit fil-Premier League Malti wara li kien ingħaqad ma’ Valletta f’Jannar tal-2022 u qatta’ 18-il xahar mal-klabb qabel ma ddeċieda li jingħaqad ma’ ACR Messina.

Zammit huwa l-captain ta’ Malta U-21 u għamel 16-il dehra, fejn skorja erba’ gowls.

Ekonomija

Sport