F’konferenza stampa li saret fis-sala tal- konferenzi tas-Centenary Stadium, tħabbar li d-difensur, Andrei Agius, se jtemm il-karriera mat-team nazzjonali Malti.
Agius, li għandu 35 sena, għamel id-debutt għal pajjiżna, fil-25 ta’ Frar, 2006, fit-telfa ta’ 2-0 kontra l-Moldova liema partita kienet valida minn tournament ta’ ħbiberija. B’kollox hu lagħab 102 partiti u skorja sitt goals.
Agius beda billi rringrazzja lill-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, li fissru bħala persuna li għenitu ħafna matul il-karriera internazzjonali tiegħu partikolarment fl-etá ta’ 16-il sena meta mar jilgħab fl-Italja.
Huwa qal li xejn ma kienet deċiżjoni faċli mhux se jilbes aktar il-flokk Malti għalkemm fisser li dan kollu huwa bidu ta’ xi ħaġa oħra li qed iħejji fil-futur mhux ‘il bogħod ladarba jtemm il-karriera tiegħu.
“Ma kinitx deċiżjoni li ħadt mil-lejl għan-nhar iżda ilni naħdem fuq din it-tranżizzjoni għal din l-aħħar sena u nofs u bil-mod il-mod bdejt naċċetta din ir- realtá. Nirrikonoxxi li issa m’għadnix aktar żagħżugħ u huwa ferm importanti li nagħti ċ-ċans lil żgħażagħ oħra biex jirrappreżentaw lil pajjiżna.”
Hu sostna li l-coaches li ħadmu miegħu li kienu Dusan Fitzel, John Buttigieg, Pietro Ghedin, Tom Saintfiet, Ray Farrugia u Devis Mangia dejjem tawh xi tip ta’ responsabbiltá, xi ħaġa li huwa aċċetta sew u ħadem qatigħ sabiex jirreċiproka b’logħob sublimi fil-ground.
Fil-fatt kien ta’ unur għalih li diversi coaches fdawh li jagħti xi tip ta’ set pieces u penalties li kienu determinanti sabiex anke wasslu għal riżultati pożittivi mat-team nazzjonali Malti.
“Dawn il-coaches kollha tawni ċ-ċavetta biex ningħata ċerti karigi bħala mexxej u li nwassal diversi valuri lill-players li kienu miegħi. Dan għamiltu b’umiltá kbira għax naf li jekk xi ħadd jagħtik xi tip ta’ fiduċja, int trid tagħti l-aqwa wirjiet tiegħek.”
Agius stqarr li rnexxielu jwettaq diversi rekords personali u qatt ma ħaseb li kien se jasal biex jilħaq ċerti tragwardi.
Hawnhekk irringrazzja lill-players, diriġenti u anke ġurnalisti tal-isport li kienu miegħu matul dan il-vjaġġ li huwa ma sejjaħlux wieħed ta’ tmiem iżda ta’ bidu ta’ avventuri oħra eċċitanti. Agius tenna li dejjem fittex li jiddjaloga u jkun disponibbli mhux biss fit-tajjeb iżda wkoll fil-ħażin.
F’Malta, huwa lagħab ma’ Sliema Wanderers, Birkirkara u attwalment Hibernians filwaqt li kellu esperjenzi fl-Italja ma’ Sporting Mascalucia, Martina Franca, Messina Peloro, SS Cassino, AS Melfi, US Latina u SER Torres.
Hu lagħab ukoll 213-il partita fil-kampjonat Premier bi 18-il dehra fit-tazzi Ewropej, 19-il dehra fl-FA Trophy u żewġ dehriet fis-Super Cup Maltija.
Għall-fini ta’ statistika, ta’ nota huwa l-fatt li Andrei Agius huwa l-uniku outfield player ta’ ‘l fuq minn 30 sena li lagħab il-partiti kollha fil-massimu tagħhom matul dan l-istaġun.
Sadanittant, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, indirizza wkoll din il-konferenza billi sostna li Malta se tkun qed tospita timijet nazzjonali f’pajjiżna fejn se jsiru anke logħbiet ta’ ħbiberija.
Fil-fatt fl-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, il-Latvja, l-Azerbaijan u l-Kuwajt se jkunu f’pajjiżna biex jilagħbu logħbiet ta’ ħbiberija waqt il-waqfa internazzjonali.
L-aħħar partita ta’ Andrei Agius mat-team nazzjonali Malti se ssir nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu, fejn nilagħbu kontra l-Azerbaijan.
Mill-banda l-oħra, nhar it-Tlieta, 29 ta’ Marzu, it-team immexxi minn Devis Mangia jilgħab partita oħra kontra l-Kuwajt bil-logħbiet isiru fl-Istadium Nazzjonali u jibdew fis-7.00 pm.
Sadanittant matul dawk il-jiem, il-Latvja jaffrontaw lill-Kuwajt filwaqt li l-Azerbaijan jilagħbu kontra l-Latvija.