Thursday, December 26, 2024

Andy Ellul jattendi għas-seba’ u l-aħħar sessjoni Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ipparteċipa fis-seba’ u l-aħħar sessjoni plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFE), li saret fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu bejn id-29 u t-30 ta’ April.

Matul din is-sessjoni plenarja finali, il-parteċipanti tal-Konferenza ddiskutew il-konklużjoni tax-xogħol fuq is-sett finali ta’ Proposti Plenarji li se jiġu inklużi fir-rapport finali tal-Konferenza.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ikkontribwixxa għal diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-riżultati tal-Konferenza, bil-għan li jiġi żgurat li dawn ir-riżultati jirriflettu x-xewqat u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għall-Futur tal-Ewropa.

Andy Ellul enfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-fokus tal-Konferenza jibqa’ fuq il-fehmiet u s-suġġerimenti taċ-ċittadin, u dwar kif dawn is-suġġerimenti jistgħu jiġu segwiti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) b’mod li jħallu impatt.

Wara s-sessjoni plenarja finali, il-Bord Eżekuttiv għandu jiffinalizza r-rapport dwar id-diskussjonijiet li saru waqt il-konferenza u l-proposti taċ-ċittadini.

Ir-rapport imbagħad jiġi ppreżentat lill-Presidenti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew f’Jum l-Ewropa, fid-9 ta’ Mejju 2022.

Wara dan il-proċess, l-istituzzjonijiet se jikkunsidraw dawn il-proposti u jiddeċiedu dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fi ħdan il-mandati tagħhom u f’konformità mat-Trattati tal-UE.

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa bdiet f’Jum l-Ewropa, fid-9 ta’ Mejju 2021, u se tiġi fi tmiemha eżatt sena wara, fid-9 ta’ Mejju 2022. L-għan tagħha kien li tisma’ l-opinjonijiet taċ-ċittadini madwar l-UE dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li l-UE qed tiffaċċja u se tkun qed tiffaċċja ‘l quddiem.

Ekonomija

Sport