Saturday, December 21, 2024

Andy Grech ikkonfermat President ta’ Athletics Malta hekk kif ġie elett Kunsill ġdid għas-sentejn li ġejjin

Aqra wkoll

Il-mandat tal-Kunsill ta’ Athletics Malta ġie estiż għas-sentejn li ġejjin wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret l-Erbgħa filgħaxija. Il-President Andy Grech, is-Segretarju Ġenerali Aldrin Cassar u t-Teżorier Darren Micallef ma kienux ikkontestati fil-karigi eżekuttivi rispettivi tagħhom u se jkunu qed jidħlu għat-tieni mandat f’din il-kariga.

Duncan Abdilla, Antonella Chouhal, Claudette Caruana, Tony Fava u Alan Zammit kienu kkonfermati bħala membri. Magħhom se jingħaqdu Gerald Grech, Lawrence Ransley u Karl Farrugia.

Fil-ftuħ tal-AGM, Andy Grech irrifletta fuq kif l-Assoċjazzjoni, fl-aħħar sentejn, minkejja l-isfidi tal-pandemija, ħadmet biex tibni l-pedamenti għall-iżvilupp professjonali tal-atletika f’Malta. Huwa spjega kif f’dan il-perjodu Athletics Malta ħadmet fuq proġetti strateġiċi f’numru ta’ oqsma, fosthom investiment infrastrutturali fl-istadium tal-Marsa, bl-appoġġ ta’ SportMalta, it-tisħiħ tal-istruttura operattiva tal-Assoċjazzjoni b’eżerċizzju wiesa’ ta’ riformi maħdum ma’ European Athletics kif ukoll investiment bla preċedent fl-atleti tat-tim nazzjonali, inkluż b’żieda qawwija tal-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’kompetizzjonijiet barra minn Malta. Dan tal-aħħar kien possibbli grazzi għall-għajnuna ta’ SportMalta u tal-Kumitat Olimpiku Malti permezz ta’ programm speċifiku għall-atleti, l-NSDF.

Grech qal li filwaqt li l-Assoċjazzjoni se tkompli ssaħħaħ dawn il-pedamenti, is-sentejn li ġejjin se jkunu determinanti biex l-atletika tagħmel il-qabża li jmiss. “Din il-qabża se tkun qed tidher kemm f’termini tal-viżibilità tal-atletika, bl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kbar f’pajjiżna bħall-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika din is-sena, u l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar is-sena d-dieħla, iżda wkoll hekk kif aktar atleti elite jaqtgħu l-frott tal-pjan ta’ investiment li sar fihom bi prestazzjonijiet u rekords ġodda f’Malta u barra”.

Il-President tkellem ukoll dwar l-għan tal-Assoċjazzjoni li ssaħħaħ il-preżenza tagħha fuq livell internazzjonali u ħabbar li fil-ġranet li ġejjin, bħala membru tal-eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa, se jkun qed jiltaqa’ ma’ European Athletics biex jiddiskuti kif Malta u pajjiżi żgħar oħra jistgħu jsemmgħu aktar leħinhom, jaċċessaw għajnuna speċifika u wkoll jagħtu kontribut amministrattiv għall-governanza Ewropea.

Is-Segretarju Ġenerali Aldrin Cassar ta ħarsa lejn il-ħidma amministrattiva u operattiva li kellha l-għan li ssaħħaħ lill-Assoċjazzjoni, inkluż pjan ta’ tisħiħ tal-governanza interna, inkluż permezz ta’ Kodiċi ta’ Etika, tisħiħ tas-settur tekniku tat-tim nazzjonali, taħriġ għall-uffiċjali, għajnuna għall-klabbs, tisħiħ tal-komunikazzjoni ma’ dawk kollha involuti fl-isort kif ukoll ma’ entitajiet sportivi nazzjonali u internazzjonali u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan l-isport.

Cassar qal li “l-familja tal-atletika f’Malta llum tiġbor fi ħdanha mijiet ta’ persuni, u l-ħidma tagħhom se tkun qed tikkontribwixxi suċċess ulterjuri, kemm fl-immedjat kif ukoll fis-snin li ġejjin”.

Ekonomija

Sport