Friday, May 17, 2024

Ikomplu t-tħejjijiet għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta

Aqra wkoll

Il-Knisja f’Malta nediet diversi inizjattivi bħala parti mit-tħejjija għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta.

Pope Francis in Malta

Għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku nħolqot il-paġna fuq Facebook ‘Pope Francis in Malta’ fejn qed jittellgħu dettalji relatati mal-preparamenti u maż-żjara nnifisha. Matul il-jumejn li l-Papa Franġisku jkun Malta, din il-paġna se tkun qed tiġi kontinwament aġġornata b’ritratti u filmati mil-lokalitajiet u l-parroċċi minn fejn ikun għadda l-Papa.

Papafrangisku.mt

Il-website uffiċjali tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku fil-Gżejjer Maltin hija papafrangisku.mt jew popefrancis.mt. Fiha hemm dettalji dwar il-programm uffiċjali, dettalji tal-attivitajiet, kif tista’ tipparteċipa u tasal fuq il-post tal-attività. Wieħed jista’ jsib ukoll il-messal taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u se jittellgħu wkoll id-diskorsi u l-omeliji tal-Papa. Fuq il-website hemm filmati tat-toroq li minnhom se jgħaddi l-Papa Franġisku kif ukoll riżorsi għat-tfal u l-familja bi preparazzjoni għal din iż-żjara.

Welcome Here

Il-kanzunetta ‘Welcome Here’ hi l-kanzunetta li Fr Rob Galea kiteb apposta għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa f’Malta. ‘Welcome Here’ hi dwar l-imħabba tal-Mulej lejna, imħabba li hi iktar fonda mill-baħar, b’saħħitha iktar mill-qlubija, sinjura iktar mill-istorja ta’ pajjiż, u ikbar minn kwalunkwe ħolma li l-bniedem qatt jista’ jkollu. Il-kanzunetta tistieden lil kull wieħed u waħda minna sabiex niftħu mill-ġdid qalbna għall-Mulej biex fuq din l-art tkun tista’ tirrenja l-imħabba tiegħu. Il-kanzunetta tkompli titlob lill-Mulej jgħallimna nkunu ġenerużi u nies ta’ qalb tajba li lesti nilqgħu lil kull min hu fil-bżonn. Dan sabiex inkunu poplu li jitkellem u jaħdem favur il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

Tista’ tisma’ u taqra l-lirika ta’ ‘Welcome Here’ minn fuq il-website papafrangisku.mt fis-sezzjoni ‘Preparazzjoni’.

Sport