Andy Robertson, stabbilixxa rekord ġdid fil-Premier League għall-aktar assists minn difensur fir-rebħa ta’ Liverpool ta’ 3-1 fuq Aston Villa, f’Villa Park.
L-eks difensur xellugi ta’ Hull City kellu sehem fl-ewwel goal tar-Reds meta xeħet cross perfett lil Mohamed Salah biex minn quddiem il-lasti ma żbaljax wara li Robertson irċieva mingħand Trent Alexander-Arnold.
Dak il-cross lil Salah kien l-54 assist ta’ Robertson fil-Premier League biex għeleb lill-eks difensur ta’ Everton u Wigan Leighton Baines, li għandu 53 assist.
U Robertson kiseb dan ir-rekord meta lagħab nofs il-logħob tal-karriera ta’ Baines … minkejja li għandu kompetizzjoni kbira mill-kollega tiegħu Alexander-Arnold.
Dan tal-aħħar huwa wkoll rinomat għall-kreattività tiegħu min-naħa tal-lemin u diġà għandu 45 assist fil-Premier League, biex jinsab fit-tielet post tal-klassifika ta’ kull żmien.
Iż-żewġ players tkellmu fuq dan ir-rekord u sostnew li ma tinsab l-ebda rivalità bejniethom … anzi jużaw din il-”kompetizzjoni” biex jimmotivaw lil xulxin.