Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat li għandha titħassar u tkun annullata il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet – ta’ San Luqa, ta’ Karin Grech u tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. F’sentenza ta’ 140 paġna, l-Imħallef Francesco Depasquale ordna li dawn it-tliet sptarijiet għandhom jgħaddu lura għand il-Gvern.
Barra minn hekk, il-Qorti nnominat ukoll lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern sabiex jippubblika l-att relattiv tat-tħassir u nullità tal-imsemmija konċessjoni enfitewtika temporanja sa żmien tliet xhur.
L-Imħallef qal li l-Gvern kien fid-dmir tiegħu sabiex jevalwa l-kuntratti kollha. Kien għalhekk li ntlaqgħu t-talbiet imressqa mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia. Il-Qorti nnutat kif Vitals Global Healthcare, illum Steward, ma onoratx l-obbligi tagħha fil-ftehim.
Il-Qorti qalet li kienet perplessa b’dik li sejħitilha faqar tal-provi li Steward ressqu quddiemha, liema faqar qalet li “probabbilment jirrifletti l-faqar ta’ investiment, proġetti u ppjanar fil-futur li l-istess Steward għandha ppjanat.”
Sadanittant, fi stqarrija, il-Gvern qal li qed janalizza din is-sentenza, u f’kull eventwalità se jassigura li jħares l-interess nazzjonali, l-impjiegi tal-ħaddiema kollha u s-servizzi kollha li l-pazjenti jieħdu mill-isptarijiet li huma mertu tal-konċessjoni li dwarha ngħatat is-sentenza surriferita.
L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat ukoll ikkummenta dwar din id-deċiżjoni u qal li filwaqt li jrid aktar żmien biex jifli s-sentenza jirrispettaha kif dejjem għamel. Huwa kkonferma l-istadji kollha fil-konċessjoni tal-isptarijiet, li kienet tinkludi sptarijiet li kienu ilhom snin mitluqa jew magħluqa, saru b’diskussjonijiet kontinwi u deċiżjonijiet dokumentati tal-Kabinett. Biex sar hekk, il-proċess kellu jgħaddi mill-iskrutinju legali.
Huwa qal ukoll li jilqa’ u anzi jħeġġeġ kwalunkwe investigazzjoni oħra li jista’ jkun hemm dwar din il-konċessjoni, anke wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali u kawża fil-Qorti. “Dan għaliex irrid li l-fatti kollha jkunu magħrufa. Dejjem aġixxejt fl-interess tal-poplu u n-nies ta’ rieda tajba dan jafuh,” tenna Dr Muscat.