Monday, October 27, 2025

ANQAS BUROKRAZIJA

Aqra wkoll

Tema ewlenija saret li hemm bżonn ta’ titjib fil-kompetittività billi jitnaqqsu l-mizuri burokratiċi li n-negozji jkollhom josservaw. Dawn qed joħolqu dewmien, proċeduri komplikati li mhux kulħadd jifhem, duplikazzjoni ta’ xogħol u aktar spejjeż. Ixekklu l-effiċjenza tal-azjendi u jxekklu l-investiment.

Mis-setturi privati kważi kollha tal-ekonomija ilhom iqumu lmenti dwar dil-ħaġa, fuq bażi kemm nazzjonali, kemm Ewropea. L-għajta kontra l-burokrazija fil-fatt tinbidel ukoll f’waħda kontra r-regolamentazzjoni eċċessiva. Partiti tal-lemin demokristjani u liberali, għamlu l-għajta kontra l-burokrazija żejda waħda ċentrali fil-messaġġ politiku tagħhom. B’hekk, isostnu, titkattar l-effiċjenza u jinqered ix-xkiel fuq l-effiċjenza.

Għanijiet hekk jixirqilhom kull appoġġ. Madankollu, ta’ spiss iqum is-suspett li warajhom hemm ukoll mira oħra: dik li miżuri ġodda jew riċenti, maħsuba biex idaħħlu ġustizzja soċjali, ħarsien tal-ħaddiema u konsumaturi, u difiża tal-ambjent jinżammu lura.

IR-RIKORRENTI

Kull meta jasal il-jum li fih jitħabbar il-baġit ta’ gvern, l-attenzjoni ta’ kulħadd jew kważi tmur fuq x’se jkun “ġdid” jew muri bħala “ġdid” f’li jitħabbar, kemm b’miżuri li tassew jitilqu ġodda mat-tħabbira tal-baġit, kemm bit-tneħħija jew bidla ta’ miżuri eżistenti. Il-kurżità dwar hekk tinfirex fuq taxxi, benefiċċji soċjali, kondizzjonijiet ta’ xogħol għall-ħaddiema u inċentivi… imma mhux biss.

Madankollu, punt essenzjali dwar kwalunkwe baġit hu li proporzjon enormi minnu hu prevedibbli. Ikun magħruf minn qabel u jiġi aċċettat bħala inevitabbli. L-ispiża rikorrenti tal-gvern għal servizzi li jipprovdi (edukazzjoni, saħħa…), għall-benefiċċji soċjali (pensjonijiet, sussidji…) u għall-pagi (tal-impjegati tal-gvern…) fost oħrajn, tkun magħrufa minn qabel bla sorpriżi. Dejjem niskanta kif, minn baġit għal ieħor, ftit li xejn nisimgħu diskors dwar jekk hemmx għalfejn naraw kemm hu possibbli li l-ispiża rikorrenti tiġi mrażżna.

NGOS 

Prinċipju validu fil-governanza tal-Unjoni Ewropea jinsisti fuq li s-soċjetà ċivili għandha kontinwament tiġi informata u konsultata dwar kif il-politika fl-oqsma differenti tat-tmexxija qed tiġi żviluppata. Imma kif għandu jkun organizzat dal-proċess? 

Il-prattika hi li l-hekk imsejħa NGOs (l-organizzazzjonijiet mhux governattivi) fid-diversi oqsma jitqiesu bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Issa, hemm modi differenti kif dawn jiġu rikonoxxuti. Biss, la l-Unjoni u lanqas l-istati membri ma jżommu konsistenza fir-rikonoxximent li jagħtu. Jista’ qed jiġri li ċerti NGOs jingħataw preferenza fil-mod kif jitqiesu għax jiġbdu ċerta linja?

Din mhijiex mistoqsija trivjali. L-Unjoni Ewropea nnifisha, permezz tal-Kummissjoni tiffinanzja lill-istess NGOs. Bejn l-2021 u l-2023, l-Unjoni ħallset 4.8 biljun ewro lil NGOs involuti fis-setturi tal-politika interna Ewropea. Rapport riċenti tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni żvela li ma kienx hemm trasparenza u kontabilità  xierqa fil-mod kif tqassmu dawn il-fondi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport