Saturday, December 21, 2024

Anthony Borg mixli b’serq minn żewġt iħwienet

Aqra wkoll

Anthony Borg ta’ 39 sena residenti l-Isla, inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’serq minn żewġt iħwienet matul ix-xahar li għadda.

Borg, magħruf bħala “l-Ħasi”, ġie mixli li fid-19 ta’ Frar, seraq statwa u oġġetti oħra mill-JB Stores tal-Iklin u ġimgħa wara seraq fwejjaħ u oġġetti oħra mill-ħanut ‘Papier’ f’Tas-Sliema.

Huwa kien mixli wkoll bi ksur ta’ sentenza sospiża u li naqas milli jħares xi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti. 

Borg tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih, bid-Difiża titlob li huwa jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputat għandu problema akuta tad-droga u hemm il-biża’ li jista’ jagħmel reat ieħor. 

Il-Qorti, wara li rat l-akkużi, il-fedina penali ta’ Borg kif ukoll li għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Ransley u Ritienne Gauci. L-Avukat tal-għajnuna legali Maria Carson dehret għal Borg.

Ekonomija

Sport