Folla kbira ta’ nies inġabret fil-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun fejn aktar kmieni dalgħodu ngħata l-aħħar tislima Antoine Degabriele.
Il-Kanonku George Spiteri li mexxa l-quddiesa tal-funeral tiegħu fakkar l-imħabba tiegħu fil-catering. Qal li mhux ta’ b’xejn kien maħbub mill-klijenti li kien iservi għax għalih kulħadd kien jingħata servizz ta’ VIP. Qal li Antoine ma kienx isuq u minjaf kemm-il darba mexiha lejn id-dar.
Huwa qal li “sfortunatament il-mewt tiegħu hija riżultat ta’ negliġenza fit-toroq tagħna f’soċjetà ta’ fejn x’jimpurtani minn ħaddieħor tirrenja u fejn il-kelma dixxiplina niddubita għadhiex fid-dizzjunarju”, kompla Spiteri filwaqt li kkwota kumment li feġġ fil-midja barranija fejn inħarġet twissija minħabba l-periklu tas-sewwieqa Maltin.
“Fit-triq li miet Antoine diġà mietu safejn naf jien tmienja min-nies inkluż familja sħiħa ta’ tlieta… Ma nistax għeżież ninsa li rajt ma’ wiċċi familja sħiħa midruba taħt it-terrapien”, żied jgħid il-Kanonku filwaqt li appella lill-awtoritajiet konċernati biex isir li għandu jsir biex kemm jista’ jkun ma jseħħux aktar inċidenti f’din it-triq.
Spiteri għalaq l-Omelija tiegħu billi talab lil Antoine biex ikun kapaċi jaħfer lil dak li temmlu ħajtu.
Antoine Degabriele ta’ 51 sena miż-Żejtun instab fil-5 ta’ Awwissu għall-ħabta ta’ 11:45 a.m fil-ġenb ta’ Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun.
Huwa ntlaqat minn karozza u tħalla mejjet fil-ġenb tal-istess triq. Tim mediku ssejjaħ fuq il-post iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifkat mejjet fuq il-post stess.
Ftit ħin wara li bdew l-investigazzjonijiet, il-pulizija kkonfermat li dan kien każ ta’ hit and run fejn fost affarijiet oħra ntlemħu partijiet ta’ karozza li x’aktarx kienet l-istess karozza involuta f’dan l-inċident.