Anzjan inżamm arrestat wara li lbieraħ tressaq fil-qorti akkużat li għamel avvanzi sesswali fuq tfajla ta’ 15-il sena kontra r-rieda tagħha. Dan l-anzjan diġà nstab ħati ta’ każ ieħor simili li jmur lura għas-snin sebgħin.
Dan l-anzjan, li ismu ma jistax jixxxandar b’ordni tal-qorti sabiex tiġi protetta l-identità tal-vittma wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih fosthom li ripetutament issuġġetta tifla vulnerabbli għal imġieba offensiva, umiljanti u degredanti.
L-Ispettur tal-Pulizija li qed jinvestiga qal lill-Qorti li każ inġieb għall-attenzjoni tal-pulizija mill-Aġenzija Appoġġ wara li t-tfajla fetħet qalbha mas-social workers dwar it-tbatija li kienet tgħaddi minnha.
Dan kaġun tal-avvanzi sesswali tal-anzjan meta bħala coach tal-isports kien iwassalha minn u lejn id-dar u fil-ħin li kienu jkunu waħedhom kien jaqbilha partijiet minn ġisimha kontra r-rieda tagħha.
Wara dawn l-atti, it-tfajla kellha bżonn għajnuna psikjatrika wara li allegatament uriet tendenzi ta’ suwiċidju.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-liberta proviżorja tal-anzjan.