Monday, April 15, 2024

FUTUR SABIĦ B’TITJIB AMBJENTALI

Aqra wkoll

Fil-budget li tħabbar fl-aħħar jiem, li ġie ppreżentat mill-Ministru tal-Finanzi, is-Sur Clyde Caruana, isemmew diversi miżuri li b’mod dirett jew indirett se jkollhom effett pożittiv fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent. Kollha konxji mill-għarfien ambjentali u l-ħtieġa li nħarsuh u kemm jista’ jkun innaqsu l-impatt negattiv fuqu. Nifhem ukoll li apparti dawn il-miżuri li ttieħdu f’dan il-budget, għad baqa’ ħafna xi jsir, iżda mill-lenti tiegħi nħares lejn dawn il-miżuri b’pożittività.

Irridu nħarsu minn perspettiva pożittiva u mhux nikkritikaw dak kollu li jagħmel il-Gvern, sempliċiment għax ma tkunx tal-istess fehma politika. Dan jagħmel lil persuna immatura u mhux kostruttiva fil-kritika tagħha. Dak li jsir tajjeb irridu nirrikonoxxuh u nfaħħruh, għaldaqstant ngħid prosit kbira lill-Gvern u lil dawk kollha li ppreżentaw dawn il-miżuri siewja, għalina u għall-futur ta’ uliedna.

Miżura partikolari li laqtitni u li nħoss li jekk l-implimentazzjoni tagħha isir b’mod għaqli, naħseb li se ngawdu minna b’mod konsiderevoli. It-trasport b’xejn għal kulħadd huwa sfida kbira għal pajjiżna li b’viżjoni għaqlija mill-Gvern Ċentrali u li hu konxju mis-sitwazzjoni ambjentali. Sfida li trid tkun indirizzata b’kawtela sabiex tħalli r-riżultat mixtieq. 

Punt ieħor li laqatni kien l-allokazzjoni ta’ €20 miljun fi proġett t’afforestazzjoni fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Proġett li minnufih se jagħti żvolta ġdida lil dan il-post u li jkun ta’ benefiċju ambjentali. Apparti minn dan issemmew postijiet oħra li se jingħataw dehra aktar ħadra. 

Punt ieħor li ssemma kien li se tingħata żieda lil min jixtri vetturi elettriċi jew tat-tip hybrid. Din il-miżura ttieħdet sabiex aktar persuni jitħajjru jinvestu f’vetturi li ma jniġġżux, b’hekk jonqos l-impatt fuq l-ambjent. 

Miżura oħra li tista’ tħalli impatt ambjentali pożittiv hija l-inċentiv mgħoti lil min jixtri propjetà li ilha mibnija aktar minn għoxrin sena, sabiex jiġi mrażżan ftit l-iżvilupp ta’ bini ġdid. Miżura oħra li tgħin fil-ħarsien ambjentali.

Dawn il-miżuri huma kollha b’xi mod ta’ inċentiv lejn min jikwalifika għalihom, li hu gwadann li jħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies, iżda l-aktar importanti huwa li jħalli impatt ambjentali pożittiv li minnu se ngawdu aħna lkoll matul il-ħajja tagħna. Dan jimlina b’pożittività sabiex fil-futur jiġu implimentati aktar miżuri bħal dawn li jkunu sostenibbli u li jagħmlu l-ħajja tagħna aktar diċenti u sigura. Minn qalbi nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-Prim Ministru tagħna u lill-Ministri kollha li ħadmu biex seta’ jkollna budget ieħor li jserrħilna rasna għall-futur sabiħ. 

Ekonomija

Sport