Monday, November 4, 2024

Anzjan mixli li pprova jdaħħal f’pajjiżna tliet kilogrammi eroina

Aqra wkoll

Raymond Balzan ta’ 64 sena minn Bormla nżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova jdaħħal f’pajjiżna mat-tliet kilogrammi droga eroina.

Huwa kien arrestat tard l-Erbgħa filgħaxija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tiegħu b’titjira minn Brussell fil-Belġju.

Il-Pulizija kienet waslitilha informazzjoni li kien hemm xi persuni abbord it-titjira li kienu se jippruvaw idaħħlu d-droga f’pajjiżna. 

Minn tfittxijiet li saru mill-pulizija, assistiti mill-uffiċjali tad-Dwana, fil-bagalja tal-imputat, f’qiegħ falz, instab pakkett kbir li fih allegatament kien hemm id-droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €600,000. 

Balzan tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia mixli b’assoċjazzjoni, importazzjoni u traffikar tad-droga eroina. Huwa kien mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu l-imsemmija droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kotra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi kollha tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Marshal Mallia. L-Avukat Joe Brincat deher għal Balzan.

Sport