Paolo Mercieca, ta’ 94 sena li qiegħed jiffaċċja akkużi ta’ attentat ta’ qtil f’Għawdex, ġie ddikjarat medikament mhux f’kundizzjoni li jgħaddi ġuri, wara valutazzjoni medika ordnata mill-qorti. Tabib maħtur mill-qorti informa lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li Paolo Mercieca “mhuwiex medikament kapaċi jipparteċipa fi proċeduri legali”.
Il-konklużjonijiet mediċi jgħidu Mercieca għandu problemi ta’ telf ta’ memorja, għandu wkoll diffikultajiet fis-smigħ u diżorjentazzjoni temporali li jfixklu b’mod sinifikanti l-kapaċità tiegħu li jifhem, jekk jiġi pproċessat u jwieġeb mistoqsijiet legali b’mod adegwat.
L-anzjan jinsab akkużat li spara b’senter lejn il-ġar tiegħu fix-Xewkija u dan wara argument li kellhom dwar parkeġġ. Skont dak li kien stabbilit fil-kumpilazzjoni, il-ġar evita li jsofri ġrieħi gravi hekk kif tbaxxa kif l-anzjan allegatament spara lejh.
Il-każ kien beda meta raġel kien ċempel lill-Pulizija fejn allega li Mercieca kien kissirlu t-tieqa tal-karozza għax ir-raġel kien qiegħed jipparkja quddiem id-dar tal-imputat.
Il-Pulizija kienu tkellmu ma’ Mercieca fejn informawh li kulħadd għandu dritt jipparkja fejn irid, iżda wara ftit daħal rapport li allegatament l-imputat kien spara lejn ir-raġel. Irriżulta li meta Mercieca mar lura d-dar, hu ra li l-karozza tal-allegat vittma kienet għadha pparkjata u viċin kien hemm ir-raġel.
Fil-Qorti kien intqal li Mercieca allegatament kien mar iġib senter minn wara l-bieb u ppuntah lejn wiċċ ir-raġel u spara. L-allegat vittma kien niżel mal-art u evita l-isparatura.
FIl-proċeduri, l-allegat vittma kien qal li kien għamel paċi mal-imputat u xtaqt li l-każ jitwaqqa, iżda l-pulizija xorta waħda komplew bil-proċeduri fejn kienu ressquh il-Qorti f’Novembru tal-2019.
L-avukati difensuri għamlu talba lill-Qorti biex isir eżami mediku qabel jgħaddi ġuri biex jiġi stabbilit jekk kienx f’kundizzjoni tajba li jiffaċċja dawn l-akkużi.
Il-ġuri kellu jibda dan ix-xahar.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri mexxew id-difiża.
Mercieca għadu s’issa jiċħad l-akkużi.



