Mara ta’ 70 sena residenti Ħaż Żabbar, sfortunatament tilfet ħajjitha waqt li kienet qed tgħum fil-Bajja ta’ San Tumas, f’Marsaskala.
Kienu għall-ħabta tal-10:30 a.m, x’ħin il-Pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna kienet tinstab f’diffikultà fil-baħar.
Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-mara x’aktarx sabet ruħha f’diffikultà waqt li kienet qed tgħum. Hija ttellat mill-baħar minn persuni li kienu qed jgħumu u ngħatat għajnuna medika minn tim mediku tal-Isptar Mater Dei u minn membri tal-Malta Red Cross.
Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata mejta fil-post.
Membri mill-Forzi Armati ta’ Malta permezz tal-ħelikopter u membri mill-Protezzjoni Ċivili assistew fl-operazzjoni.
Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.