Propju għada jaħbat l-anniversarju mill-mewt ta’ Manwel Dimech. Patrijott, Rivoluzzjonarju. Soċjalist. Persunaġġ li l-messaġġ tiegħu għadu rilevanti llum. Persunaġġ li llum forsi aktar minn qatt qabel għandna ħafna x’nitgħallmu minnu. Hi ħasra u ħasra kbira, li dak li kien jgħid Dimech qiegħed jintesa bil-mod il-mod. Qiegħed jintesa għax illum ftit li xejn jissemma dak li kien jisħaq fuqu Manwel Dimech, ibda mill-importanza li kien jagħti lill-lingwa Maltija, li llum sfortunatament qegħdin narawha dejjem sejra lura.
Dimech, li tant iġġieled għall-emanċipazzjoni u biex il-poplu jeduka ruħu, dejjem saħaq li l-ebda bniedem m’għandu qatt jiġi miċħud b’ebda mod mill-possibbiltà li jkun sid ta’ ħajtu. U ejja ngħiduha ċara li din hi realtà anke llum. Illum qegħdin ngħixu f’dinja fejn aħna dipendenti fuq dak li jtuna jew jisquna l-‘opinion makers’, il-‘policy makers’, il-propagandisti, ir-reklamar fost oħrajn. Dimech kien jisħaq li dak li wieħed arid jara mhux jgħidu dawn in-nies imma x’ma jgħidulekx.
Waqt li l-edukazzjoni kien jisħaq ħafna fuqha, hemm messaġġ ieħor li japplika ħafna għalina llum. Dak li ma nbiegħux ruħna. Li nżommu l-prinċipji. Dimech dejjem żamm sod mal-prinċipji tiegħu. Qatt ma biegħ ruhu.
Dimech tista’ tgħid sofra persekuzzjoni sħiħa mill-Knisja Maltija. Persekuzzjoni li minħabba fiha bata’ ħafna. X’ma’ qalulux. Kienet persekuzzjoni sistematika kontrieh. Hi ħasra kbira li minkejja li għaddew 102 snin mill-mewt tiegħu f’Lixandra l-Eġittu, sa issa l-Knisja Maltija baqgħet qatt ma għamlet apoloġija.
Illum fuq Manwel Dimech saret ħafna riċerka. Il-fatti huma magħrufa. Hu ċarissima li l-mezzi li intużaw kontrieh u familtu, kienu żbaljati għall-aħħar.
Wieħed jittama li kif il-Knisja għamlet apoloġija għal dawk li sofrew l-interdett, isir ukoll il-pass – għalkemm tard ħafna, ta’ apoloġija lil Manwel Dimech. Wieħed jista’ jargumenta u jistaqsi x’se ssolvi b’apoloġija llum? Apoloġija llum tkun tfisser l-ammissjoni li l-metodi u l-mezzi użati kontrieh kienu ħżiena u qatt ma kellhom jintużaw.