Friday, November 15, 2024

Appell biex jieqfu l-proċeduri u jingħalaq il-każ tal-El Hiblu 3

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

B’kaxxa mimlija kopji tal-ktieb “Free the El Hiblu 3” quddiem il-Qorti llum saret konferenza tal-aħbarijiet li fiha sar appell lill-Gvern Malti biex jieqfu l-proċeduri legali u jingħalaq il-każ kontra t-tliet żgħażagħ Abdalla, Amara u Kader. 

F’Marzu tal-2019 kif dawn l-immigranti niżlu Malta, ġew arrestati immedjatament b’akkużi fost l-oħrajn ta’ ħtif u terroriżmu u jekk jinsabu ħatja, dawn jistgħu jeħlu sa għomor il-ħabs.

Il-każ fil-Qorti kompla jinstema’ llum u bil-għan li jitqajjem aktar għarfien u ssir ġustizzja, ittellgħet konferenza tal-aħbarijiet li l-Freedom Commisssion ta’ El Hiblu 3 talbet li jieqfu  l-proċeduri kontrra t-tliet immigranti u biex jingħalaq il-każ. L-organizzazzjonijiet li ngħaqdu f’din il-kampanja qegħdin jisħqu li dan huwa każ ta’ inġustizzja li tmur kontra l-libertà tal-bniedem u kontra d-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-immigranti vulnerabbli. 

It-tliet żgħażagħ kien fost grupp ta’ immigranti li ħarbu mil-Libja u sabu ruħhom f’diffikultajiet fil-baħar Mediterran. Dawn ġew salvati u ttellgħu abbord El Hiblu fejn minflok kienu se jittieħdu f’port sigur kif qalulhom li se jagħmlu, il-vapur dar biex jeħodhom lura f’pajjiżhom. 

Fuq dan il-vapur qamgħet kommossjoni kbira fejn xi immigranti, iddisprati, bdew jgħajtu u jheddu li se jaqbżu fil-baħar. Kien hawn li Abdalla, Amara u Kader għenu lill-kaptan bi traduzzjoni u medjazzjoni mal-bqija tal-immigranti abbord.

Il-kampanja “Free El Hibu 3” qiegħda ssir bit-tama li ssir ġustizzja ma’ dawn it-tliet immigranti li fiż-żmien li ġew arrestati kellhom biss 15, 16 u 19-il sena. Barra għarfien dwar id-diffikultajiet kbar u l-perikli li l-immigranti jiffaċċjaw meta jaħarbu minn pajjiż li fih ħajjithom hija mhedda, ir-rappreżentanti kkundannaw il-politika tal-Unjoni Ewropea u l-liġijiet li jmorru kontra l-immigrazzjoni u l-libertà tal-moviment. 

Ekonomija

Sport