Wednesday, July 24, 2024

Applikazzjoni għal drive-in cinema wara torri

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-għaqda Wirt iż-Żejtun u l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn qed jopponu l-applikazzjoni li ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir drive-in cinema għal madwar 56 karozza wara t-Torri Mamo.

Wirt iż-Żejtun iddikjarat li għalkemm illum il-post ma jaqax fil-konfini taż-Żejtun iżda f’dak ta’ Wied il-Għajn minħabba r-rabtiet storiċi u soċjali li ż-Żwieten għandhom mal-post ħassitha fid-dmir li toġġezzjona.

L-għaqda qalet li l-applikant jidher li huwa s-sid tar-raba’ li hemm madwar it-torri u l-ħames ħbula ta’ warajh. Il-proposta għad-‘drive-in cinema’ tidher li tikkonċerna l-ħames ħabel jiġifieri parti mill-għelieqi.

Waqt li irrikonoxxiet li dan qed isir fl-isfond tal-pandemija, l-għaqda wissiet li l-liġi tgħid li jekk is-sit ikun kommess għal żvilupp dan jibqa’ hekk għal dejjem.

“Dan l-iżvilupp jista’ jiġi akkomodat f’siti li diġà huma kommessi b’xi żvilupp ieħor u mhux tittieħed raba’ verġni qrib binjiet storiċi u f’inħawi rurali”, żiedet l-għaqda.

Il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn ukoll qed joġġezzjona għal din l-applikazzjoni u qed iħeġġeġ lill-pubbliku u l-għaqdiet mhux governattivi biex jingħaqdu miegħu fl-oppożizzjoni għal dan il-pjan.

Ekonomija

Sport