Monday, May 13, 2024

F’pajjiżna n-numru ta’ persuni neqsin mid-dawl jammonta għal 1,633

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Malta u f’Għawdex in-numru ta’ persuni neqsin mid-dawl reġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà jammonta għal 1,633. L-etajiet tagħhom ivarjaw minn ta’ tfulija sa anzjanità ta’ aktar minn 90 sena.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-gvern huwa kommess li jagħmel dak kollu possibbli biex kull persuna f’Malta u f’Għawdex ma tħosshiex żvantaġġata minħabba xi forma ta’ diżabbiltà, inkluża dik ta’ nuqqas ta’ dawl. 

Ilbieraħ Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja biex tfakkar il-Jum Dinji tal-Braille. Dan il-ġurnal għamel kuntatt ukoll mal-‘Malta Society for the blind’ fejn spjegat li l-Braille huwa sistema ta’ qari imsejjaħ ‘tactile’ li jinqara billi jinħass bis-swaba tal-persuna. Żiedet tgħid li jinqara permezz ta’ tikkek imqabbżin u dan ġie vvintat minn Louis Braille fl-1824. 

Din is-soċjetà qalet li l-Braille huwa għodda indispensabbli għall-persuni għomja u nieqsa mid-dawl għax permezz tiegħu jkollhom aċċess għall-kotba u kitba oħra. Żiedet tgħid li l-importanza tal-Braille hija akbar fl-istudenti li jkollhom bżonn jagħmlu eżamijiet u jaqraw ammont ta’ kotba kif ukoll jiktbu. 

Il-Braille jinkiteb b’diversi modi fosthom bi slate u stylus, embossers u Braille writers. Jeżisti ukoll l-e-Braille li huwa apparat li jitpoġġa ma’ keyboard ta’ kompjuter u bih jista’ jinqara bil-Braille dak li jkun hem fuq skrijn. 

Il-Malta Society for the blind qalet li bħalissa f’Malta jekk trid titgħallem il-Braille tista’ tfittex l-għajnuna tal-FITA. Temmet tgħid li għandhom ukoll żewġ membri tal-Malta Society for the Blind li kapaċi jgħallmuh.

Sport