Wednesday, July 24, 2024

Appoġġ ikbar lill-familji b’ulied jistudjaw… allowance speċjali ta’ €500 fis-sena għal tliet snin

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa, il-ġenituri ta’ madwar 9,600 familja u 10,500 student li baqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja se jibdew jirċievu għotja ta’ €500 fis-sena sa massimu ta’ tliet snin, b’total massimu ta’ €1,500. Fil-każ li studenti jgħixu għal rashom, il-pagament jasal għand l-istudent.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza fil-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela, il-Junior College, ħabbar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura mwiegħda fil-manifest u llum huwa l-programm ta’ ħidma “Malta Flimkien”.

Il-miżura mħabbra u li se tibda taħdem għall-ewwel darba se jgawdu minnha dawk l-istudenti li jattendu f’korsijiet full-time jew ikkunsidrati full-time u m’hemmx testijiet tal-mezzi għaliha.

Aktar minn 800 familja minnhom se jieħdu ħlas għal aktar minn wild wieħed u l-ħlas jirċevuh foster parents u ġenituri addottivi. Skont il-Budget 2024 kellhom jibbenefikaw dawk bi tfal bejn 16 u 19-il sena li jkunu jistudjaw u jieħdu ħlas sa €500 kull sena sa massimu ta’ tliet snin iżda l-miżura twessgħet u ġew ikkunsidrati sitwazzjonijiet ta’ studenti li jew ikunu irrepetew sena sekondarja, jew ikunu ħadu ‘gap year’, jew minħabba sitwazzjonijiet ta’ mard jew ċirkostanzi oħra, u allura jibdew l-istudji post-sekondarji tagħhom aktar tard.

Fil-fatt il-kriterji twessgħu sabiex kull min meta tkun bdiet is-sena skolastika u ma jkunx għalaq 20 sena, jibbenefika ukoll. Jekk l-istudent ikun jattendi kors ta’ studju post-sekondarju f’istituzzjoni edukattiva tal-Gvern m’hemmx għalfejn issir applikazzjoni.

L-informazzjoni qed tinġabar u tiġi pproċessata b’mod awtomizzat. Studenti li ma jkunux jattendu f’istituzzjoni edukattiva tal-Gvern iżda f’istituzzjoni edukattiva għolja li tkun rikonoxxuta mill-Awtorità Maltija tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA), ukoll jistgħu jibbenefikaw billi jimlew dikjarazzjoni fuq is-sit tas-Sigurtà Soċjali.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru fisser kif din hija miżura li tgħin lill-familji kollha u li se tasal aktar għand familji middel-class. Sostna li din hi miżura li trid tidħol fit-tessut soċjali ta’ pajjiżna bħalma daħlu miżuri oħra bħaċ-childcare b’xejn u ċ-children’s allowance.

“Nemmnu fit-tisħiħ tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Dan tagħmlu billi twettaq miżuri konkreti. L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta biex aktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u s-settur edukattiv huwa wieħed mill-ħames pilastri tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern, li kien hu wkoll li saħħaħ l-istipendji,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela, li kien għadu kemm kellu laqgħat mal-istudenti fil-Junior College, qal li mill-istudenti nnota kif l-edukazzjoni post-sekondarja u lil hinn minnha tagħti sodisfazzjon u l-Gvern kommess li jkompli jinċentiva dik l-esperjenza.

Huwa għalhekk li saħaq kif irridu nibqgħu ta’ spalla għall-familji fl-ewwel parti tal-kors tal-vjaġġ edukattiv post-sekondarju f’dik li fissirha bħala għotja estiża taċ-children’s allowance. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Falzon qal li din il-miżura hija ħolqa oħra minn katina ta’ miżuri soċjali li jkomplu jkunu ta’ sostenn għall-familji tagħna. “Nemmnu li rridu nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja. Dan nagħmluh, għax qrib in-nies, u nifhmu sew il-ħtiġijiet tagħhom. Kien għalhekk li sawwarna pakkett ta’ miżuri verament dehen ta’ Gvern b’ruħ soċjali u li se jitnaqqax fl-istorja soċjali tal-pajjiż”, qal il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħaa tiegħu, il-Ministru Grima tkellem dwar l-għajnuna li qed jingħataw l-istudenti u l-familji tagħhom fi żmien delikat meta jkunu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, li hija l-pedament għall-futur mhux biss tagħhom, imma tal-pajjiż.

“Dan il-Gvern minn dejjem emmen u nvesta fir-riżors uman, l-aqwa riżors li għandu l-pajjiż. Huwa għalhekk li dan l-investiment naraw li jibda minn kmieni, waqt il-perkors tal-istudent fl-edukazzjoni fuq il-bankijiet tal-Istituzzjonijiet Edukattivi ta’ pajjiżna.

Matul dawn l-aħħar snin, mhux biss daħħalna miżuri, żidna l-istipendji, qed nagħtu opportunitajiet ta’ scholarships u grants, saħħaħna Skema 9, imma wkoll implimentajna inċentivi biex nagħtu sostenn lill-istudent, u l-familja tiegħu, fosthom ir-riforma fl-Istipendji Preskritti u ta’ Prijorità Għolja fl-Università ta’ Malta u l-MCAST”, spjega l-Ministru Grima.

Ekonomija

Sport