Il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat disinn rivedut għall-iżvilupp mill-ġdid ta’ dar b’arkitettura modernista ‘l bogħod miż-żona ta’ konservazzjoni urbana f’Ħal Balzan. Għalkemm mhux bini skedat, il-faċċata tal-proprjetà għandha valur arkitettoniku.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li saru mis-Supretendent tal-Wirt Kulturali (SCH), il-permess li għadu kif ġie approvat se jiżgura li l-faċċata ta’ ‘Walmartville’, binja distintiva tas-sittinijiet se tinżamm. Iż-żewġ sulari addizzjonali li se jiżdiedu mad-dar, se jżommu l- istess karatteristiċi tad-disinn inklużi l-aperturi u r-railings bħall-faċċata oriġinali. Se tkun inkluża wkoll penthouse irtirata ‘l ġewwa.
Fid-bidu tas-sena li għaddiet, ingħata permess għall-iżvilupp biex il-proprjetà titwaqqa’ għal kollox u tiġi sostitwita b’bini ġdid. L-SCH kienet appellat din id-deċiżjoni.
Wara diskussjonijiet bejn il-PA, SCH u l-applikant ġie miftiehem li għalkemm kien ingħata permess, kellhom jiġu sottomessi pjanti ġodda għal valutazzjoni mill-ġdid mid-Direttorat tal-Immaniġġjar tal-Iżvilupp filwaqt li jitqies il-valur arkitettoniku tad-dar.