Saturday, December 21, 2024

Approvat il-proġett tal-Gozo Rural Airfield

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett tal-Gozo Rural Airfield, liema proġett kien propost mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

“Il-Gozo Rural Airfield kienet wegħda elettorali tal-partit fil-gvern, li jagħraf li Għawdex għandu jibqa’ jingħata prijorità f’dik li hi konnettività bejn il-gżejjer,” stqarr il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.

“Qed inħarsu lejn dan il-proġett b’mod ħolistiku fejn apparti l-ħolqien ta’ link bl-ajru bejn Għawdex u Malta, qed naraw li noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda f’settur li Għawdex qatt ma bbenefika minnu. Settur li joħloq xogħol ta’ kwalità għolja li jimxi pari passu mal-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, maqbula ma’ bosta stakeholders,” kompla l-ministru.

Huwa sostna wkoll li f’dan il-proġett, ingħatat ukoll importanza lill-aspett ambjentali, fejn ser jittieħdu bosta miżuri ta’ mitigazzjoni biex jonqos kemm l-impatt viżiv kif ukoll ħsejjes iġġenerati mill-attività.

Il-proġett tal-Gozo Rurual Airfield ser jassigura li ebda art verġni jew agrikola mhu ser tittieħed, iżda l-proġett, li jinkludi l-estensjoni tar-runway eżistenti, ser isir fuq art kommessa meta nbidlu l-Pjani Lokali fl-2006, fejn is-sit kien lok ta’ abbuż minn skart tal-kostruzzjoni. L-ebda bini mhu ser jiżdied ma’ dak eżistenti iżda ser isir rinnovar tal-binja li qabel kienet taqdi funzjoni relatata mas-servizz tal-ħelikopter.

Ekonomija

Sport