Saturday, October 3, 2026
Home Sport UEFA Nations League: Franza u l-Italja jtemmu fi draw ġust

UEFA Nations League: Franza u l-Italja jtemmu fi draw ġust

0
49

Meta ntlagħab it-tieni programm tat-tielet ġurnata tal-  UEFA Nations League, fil-logħba tal-ġurnata Franza u l-Italja temmew fi draw ġust ta’ 1-1. 

Fid-disa’ minuta, l-Italja resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta azzjoni mibdija minn David Frattesi spiċċat għand Moise Kean li minn quddiem il-lasti ra lill-goalkeeper, Mike Maignan, iwettaq save kbir. 

Fit-23 minuta, il-Franċżi ġew imċaħħda milli jiftħu l-iskor meta Michael Olise xeħet cross bil-ballun jaħbat ma’ sieq id-difensur, Giorgio Scalvini, u jistampa mal-mimduda. 

Fit-tielet minuta tat-tieni taqsima, il-goalkeeper Gianluigi Donnarumma, kien providenzjali għall-Italja meta l-ewwel imblokka parzjalment it-tentattiv ta’ Desire Doue u b’riflessi impekkabbli salva x-xutt ta’ Ousmane Dembele mir-rebound.

Peró, Rayan Cherki u Michael Olise kien theddida kontinwa għad-difiża Taljana meta bdew isibu l-ispazji, li iżda, ma setgħux jikkonkludu … sakemm fil-55 minuta, iż-żewġ players ikkombinaw flimkien biex il-Franċiżi fetħu l-iskor. 

Huma rebħu free-kick, b’Cherki jqarraq b’kulħadd u għadda lejn Michael Olise li kien viċin tiegħu u b’xutt imdawwar  ħabat ma’ taħt il-mimduda u spiċċa fix-xibka, b’Donnarumma megħlub għal kollox.

Iżda, fit-68 minuta, minn azzjoni mejta t-Taljani kisbu d-draw meta Lucas Da Cunha seraq il-ballun lid-difensuri Franċiżi li ppruvaw jtellgħu l-ballun minn wara u għadda mill-ewwel lejn Alessandro Bastoni li avvanza u għeleb lill- goalkeeper Franċiż. 

Fil-85 minuta, Franza spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Dayot Upamecano, għal żewġ karti sofor, iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx sas-suffara finali.  

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here