Sunday, May 5, 2024

Approvata l-ewwel pillola tal-abort fil-Ġappun

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Bord tal-Ministeru tas-Saħħa fil-Ġappun approva l-ewwel pillola tal-abort fil-pajjiż. Dan tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn ingħad li l-istess pillola se tkun qiegħda tipprovdi alternattiva għal proċedura kirurġika fost sejħiet għal progress fid-drittijiet riproduttivi tan-nisa u l-ugwaljanzi bejn is-sessi. Il-Ministeru qal li huwa ħabbar dan wara li rrevedew madwar 12,000 kumment tal-pubbliku miġbura online.

Hekk kif il-Bord tal-Ministeru ħabbar dan, il-Kunsill tal-Affarijiet Farmaċewtiċi ddiskuta jekk għandu japprova l-manifattura u l-bejgħ tal-mediċina. Min-naħa tiegħu l-Kunsill qal li l-pakkett tal-pilloli għandu jingħata b’istituzzjonijiet mediċi u li għandu jinkludi żewġ tipi ta’ mediċini. Qal ukoll li din il-pillola hija maħsuba sabiex tingħata fil-ħalq fl-ewwwel disa’ ġimgħat tat-tqala.

Il-gvern tal-pajjiż wiegħed li se jkun qiegħed jagħti l-għajnuna u li se jkun qiegħed joħloq linji gwida għat-tobba, sabiex b’hekk il-pubbliku jkollu biżżejjed informazzjoni dwar l-użu u l-effetti ta’ din il-pillola.

Id-Direttriċi tal-Istitut tal-Litteriżmu dwar id-Drittijiet tas-Saħħa Riproduttiva, Kumi Tsukahara qalet li dawn id-deċiżjonijiet huma ferm pożittivi u li jpoġġi attenzjoni fuq kwistjonijiet relatati ma’ abort. Hija għamlet twissija li din il-mediċina se tkun inaċċessibbli għal uħud.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministeru tas-Saħħa fil-Ġappun qal li qed jikkunsidra pjanijiet sabiex jagħmilha obbligatorja li pazjenti għandhom jistennew sa ġurnata fl-isptarijiet sakemm tiġi kkonfermata l-proċedura tal-abort, wara l-amministrazzjoni tat-tieni pillola.

Bħalissa, il-proċeduri kirurġiċi, permessi fl-istadji bikrija tat-tqala, huma l-uniċi għażliet disponibbli għal abort fil-Ġappun. Dan minkejja li l-Għaqda Dinjijia tas-Saħħa, id-WHO approvat il-pillola bħala wieħed mill-aktar metodi sikuri.

L-approvazzjoni tal-pillola fil-Ġappun timmarka progress għad-drittijiet riproduttivi tan-nisa. Minkejja dan kollu fil-pajjiż qam dibattitu kbir dwar il-prezzijiet u l-kunsens li qegħdin jitfgħu dell fuq din id-deċiżjoni.

Sport