L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) se jirriloka fi Smart City wara li l-Bord tal-Ippjanar approva l-permess għall-iżvilupp ta’ kampus ġdid biex jilqa’ studenti Maltin u anke dawk barranin.
Il-kampus il-ġdid se jinbena fuq medda ta’ art ta’ 9,150 metru kwadru, fil-parti ta’ Smart City viċin Santu Rokku.
Minbarra klassijiet, uffiċini, librerija, kafeterija u awditorjum, il-kampus se jinkludi wkoll indoor pool bi spa, kantina għall-inbejjed, tliet ristorati bi kċejjen u klassijiet fejn l-istudenti se jkunu mgħallma kif jaħmu l-ħobż fost oħrajn.
Il-binja se jkollha wkoll faċilità ta’ childcare, ħwienet anċillari u żewġ livelli ta’ parkeġġ taħt l-art. Se jkun hemm ukoll ‘basketball court’ b’faċilitajiet anċillari relatati.
Biex jiġu indirizzati miżuri effiċjenti ta’ enerġija, l-ilma kollu tax-xita se jinġabar f’ġibjun biex jintuża għas-siġar u l-pjanti fil-post.