Saturday, December 21, 2024

Approvati 686 permess ta’ residenza għal persuni minn pajjiżi terzi f’sentejn

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħallissa l-Partit tal-Oppożizzjoni għaddej b’attakk sfrenat kontra l-ħaddiema minn pajjiżi terzi b’retorika li dawn mhumiex ta’ kwalità. Dan meta l-istess ħaddiema, ġejjin minn fejn ġejjin, jikkontribwixxu fl-ekonomija tagħna kemm mil-lat ta’ riżorsi umani, kif ukoll mil-lat finanzjarju. 

Proprju bil-għan li pajjiżna jattira remote workers ta’ kwalità, il-Gvern ħoloq in-Nomad Residence Permit, programm li fl-ewwel sentejn tiegħu ġew approvati 686 permess ta’ residenza lil applikanti minn pajjiżi terzi. Dawn mhux biss jaqbżu bid-doppju r-rekwiżiti tad-dħul imma, jonfqu ammont sostanzjali ta’ €3,000 fix-xahar f’pajjiżna.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri fejn spjega li, “l-għan tan-Nomad Residence Permit huwa li pajjiżna jattira remote workers ta’ kwalità li jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Fl-ewwel sentejn tiegħu dan il-programm kien ta’ suċċess hekk kif ġew approvati 686 permess ta’ residenza lill-applikanti minn pajjiżi terzi li applikaw għan-Nomand Residence Permit, kif ukoll 282 permess lill-familjari tagħhom li applikaw bħala dipendenti”. 

Hawn huwa kkwota studju tal-Aġenzija Residenza Malta li minnu rriżulta li l-età medja ta’ min japplika għal dan il-permess partikolari hija ta’ 37 sena. Barra minnhekk, mid-dettalji li ta l-Ministru Camilleri, “dawn għandhom dħul medju ta’ €47,000 li jaqbeż bid-doppju r-rekwiżit minimu skont il-liġi. Jirriżulta wkoll li dawn l-applikanti jonfqu madwar €3,000 fix-xahar ġewwa pajjiżna”.

Il-Ministru Byron Camilleri kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-deputat tal-PN, Jerome Caruana Cilia.

Ekonomija

Sport