L-emendi fil-liġi tal-IVF ġew approvati mill-parlament b’66 vot favur u tliet voti kontra. Il-vot ittieħed proprju fil-100 jum ta’ gvern ġdid Laburista. Matul il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda, il-Partit Laburista wiegħed li f’mitt jum ta’ Gvern ġdid immexxi minnu, dawn l-emendi se jkunu qegħdin jgħaddu mill-Parlament.
EMENDI MAĠĠURI F’DIN IL-LIĠI
- Twessigħ ta’ dawk eleġibbli għall-proċess tal-IVF biex l-ogħla età titla għal 49 sena.
- Tinbidel id-definizzjoni ta’ ċiklu għal aktar ċikli mingħajr ħlas u dawk li diġà użaw tliet ċikli se jiġu offruti ċiklu ieħor.
- Opportunità għat-tieni wild lil kulħadd inklużi dawk li diġà kellhom tarbija bl-IVF jew oħrajn li welldu tarbija b’mod naturali u issa qegħdin isibu diffikultà.
- Iffaċilitat il-proċess għal ċans akbar lil dawk bl-embrijuni barra mill-pajjiż biex iġibu Malta sa żewġ embrijuni minn kull ċiklu.
- Bidliet li se jaraw li persuni relatati b’affinità jistgħu jsiru ġenituri.
- Tiżdied l-età massima ta’ donatur għal 36 sena neqsin ġurnata minn meta ssir id-donazzjoni u mhux meta tasal f’Malta.